Pass eqreb lejn Liġi tal-Koabitazzjoni | One News

Notifiki

Pass eqreb lejn Liġi tal-Koabitazzjoni

Issa li l-Parlament reġa’ beda jiltaqa’, minnufih ġie ppreżentat l-abbozz dwar il-Liġi tal-Koabitazzjonigħall-ewwel qari. Il-pass li jmiss issa huwa l-pubblikazzjoni tal-abbozz fil-Gazzetta tal-Gvern, biex imbagħad nimxu għat-tieni qari tal-abbozz.
Il-liġi tfasslet biex tkun indirizzata r-realtà ta’ bosta koppji u familji. Il-koppji li jikkoabitaw se jkollhom mod kif l-istat jirrikonoxxi r-relazzjoni tagħhom u jagħtihom drittijiet legali u soċjali bażiċi kemm waqt u kif ukoll wara r-relazzjoni.
Il-Liġi tal-Koabitazzjoni kienet imwegħda fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Il-liġi tapplika għall-koppji li qatt ma żżewġu jew li huma separati, u mhux ħbieb jew familjari.
Wara l-konsultazzjoni pubblika, li ntemmet f’Mejju li għadda, il-Ministeru kompla jiltaqa’ mal-esperti fil-qasam u jaħdem fuq l-istess abbozz sabiex jippreżenta l-aħjar verżjoni possibbli quddiem il-Parlament. L-esperti jinkludu nies mir-Reġistru Pubbliku u l-Kunsill Notarili, li magħhom il-Ministeru ħadem sabiex iffinalizza dan l-abbozz.

Il-Gvern fassal tliet mudelli, imsejsa fuq mudelli barranin, wara proċess ta’ diskussjoni intensiva ma’ bosta entitajiet.

L-ewwel mudell japplika għal koppji li ilhom flimkien għal iktar minn sentejn u li minkejja ma jixtiequx li r-relazzjoni tagħhom tkun regolata jew rikonoxxuta legalment, jingħataw tliet drittijiet bażiċi fuq is-sieħeb jew siehba tagħhom. Dawn huma:

  • li l-koabitant jitqies bħala inkwilin għall-fini tal-kuntratti ta’ kiri ta’ residenza primarja komuni jew kummerċjali
  • il-koabitant jitqies bħala l-eqreb persuna għall-iehor għall-finijiet tal-liġi
  • li l-koabitant ikun eżentat milli jixhed kontra s-sieħeb jew sieħba tiegħu

Għall-koppji li jixtiequ relazzjoni regolata bil-liġi, japplika t-tieni mudell, dak li permezz ta’ nutar, il-partijiet jiżviluppaw kuntratt skont in-neċessitajiet tagħhom. F’ dan il-kuntratt għandhom ikunu indirizzati suġġetti relatati mar-residenza primarja, kif għandom jinqasmu l-assi u d-djun f’ każ ta’ firda, manteniment, id-drittijiet fuq it-tfal u kustodja fost oħrajn.

Biex tkun evitata sitwazzjoni fejn koabitant ikun imġiegħel ibiddel dan il-kuntratt mis-sieħeb jew sieħba, l-kuntratt tal-koabitazzjoni se jkun jista’ jinbidel biss bl-approvazzjoni tal-Qorti.

Fid-dawl li hemm koppji oħra fejn mhux it-tnejn juru x-xewqa li jkunu rikonoxxuti bħala koabitanti, t-tielet mudell tal-ligi tippermetti li parti tibgħat lill-oħra ittra uffiċjali fejn tintwera x-xewqa li jkunu rikonoxxuti. Il-koabitant jista’ jilqa’ l-ittra u jkun kunsidrat bħala ko-abitant de facto jew jiċħad ir-relazzjoni.

Peress li din il-liġi hija waħda sensittiva il-Ministru Helena Dalli sahqet li bil-partecipazzjoni tal-pubbliku ghandha tkun wahda li tapplika ghar-realtajiet tal-koppji kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend