Illum jum li fih ninqatgħu għal kollox mill-heavy fuel oil. Dan se nagħmluh billi naqilbu għall-gass, għal enerġija iktar sigura. Il-fabbrika tal-kanċer li kellna f’Marsaxlokk issa wasalna f’punt ieħor importanti biex nagħlquha.
Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqgħa politika f’Ħal Balzan.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, osserva l-Prim Minsitru, qiegħed jilmenta li t-tanker tal-gass kbir. Fil-verità huwa ftit iżgħar mill-ikbar vapuri li jidħlu fil-Port Ħieles. Għall-kritika li t-tanker se jdum hawn Malta, il-Prim Ministru qal li dan se jkum hawn Malta sakemm jitlesta pipeline tal-gass li l-Oppożizzjoni qatt ma lestiet. Filwaqt li l-Ewropa u d-dinja kollha qiegħda taqleb għall-gass, qal Joseph Muscat, f’pajjiżna hawn Oppożizzjoni li qiegħda toħroġ kontra l-gass, li l-anqas l-iktar Repubblikani estremisti ta’ Trump fl-Istati Uniti m’huma qiegħdin jieħdu. “Argumenti pwerili” qal il-Prim Minsitru – il-qalba hija minn teknoloġija antikwata li jużawha biss ċertu pajjiżi fl-Afrika, għal-teknoloġija li ilha tintuża snin sħaħ”.
L-għalliema, l-infermiera, lil dawk li jaħdmu fit-toroq, lil LSAs, lil min jieħu ħsieb l-anzjani? Lil min irid inaqqas mis-settur pubbliku, il-Kap tal-Oppożizzjoni? staqsa l-Prim Minsitru dwar id-dokument tal-PN qabel il-baġit. Innota li dawk li hemm fid-dokument, bħat-tqassim ta’ mediċini lill-anzjani, diġa’ qiegħdin ikunu mwettqa.
Joseph Muscat qal li llum mill-ġdid qiegħdin niċċlebraw is-suċċess ta’ Malta f’diversi oqsma, u m’għandux wieħed jinsa li dawn m’humiex kisbiet ta’ dawn l-aħħar tletin sena, imma ta’ dawn l-aħħar tliet snin. Kien fl-ewwel tliet snin tiegħu li dan il-Gvern ħoloq 22,000 elf post tax-xogħol.
Parti mill-prezz tal-progress ekonomiku, qal il-Prim Minsitru, huwa l-ammont ta’ traffiku li qiegħed jinħoloq. Il-pajjiż ma kienx imdorri jara dan it-tip ta’ progress, u għalhekk hawn deficit infrastrutturali. Is-sistema tal-infrastruttura llum ma tgħoddx għal pajjiż li qiegħed jiġġenera ammont kbir ta’ impjiegi f’inqas żmien. “Din hija responsabiltà tagħna u ta’ ħadd aktar” sostna l-Prim Ministru. Qal li ma jridx imur għal sistemi punittivi, li bniedem ikun ikkastigat, biex jibda juża tal-linja. Iżda minn naħa l-oħra, se jbati konsegwenzi aktar sejri min jabbuża. Se tidħol sistema ta’ punti għal kulħadd u se jkun hemm inqas tolleranza għal min isuq taħt l-influenza tal-alkoħol.
Innota li waqt seminar ta’ EY, Simon Busuttil qal li l-mertu tas-suċċess ta’ dan il-Gvern huwa l-Gvern ta’ qabel. Hawn Muscat qal li l-mertu tat-tajjeb li hawn, jagħtih lill-poplu bieżel Malti.
Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma raħsu, għax il-Gvern ħa d-deċiżjonijiet li kellu jieħu b’responsabiltà u bi pjan ċar. In-nies jafdaw lil dan il-Gvern għaliex jħossu differenza fi bwiethom. Min qabel kien jgħid li ma tistax traħħas il-kontijiet, fakkar il-Prim Ministru, illum qiegħed jinsisti li dawn jorħsu aktar. Muscat qal li bħalissa l-prezzijiet taż-żejt qiegħdin jogħlew. Is-sena d-dieħla, kieku hemm l-Oppożizzjoni fil-Gvern, jgħolli l-prezzijiet tad-dawl u l-ilma, għaliex jgħola l-prezz internazzjoanli. Assigurazzjoni li l-kontijiet se jibqgħu rħas, jiġri x’jiġri.
“B’umiltà ngħidu li se nkomplu ntejjbu” qal Joseph Muscat.