“Jekk jgħoġobkom TINSEWX” – sena wara l-inċident ta’ Paqpaqli – One News

“Jekk jgħoġobkom TINSEWX” – sena wara l-inċident ta’ Paqpaqli

“Kien sena ilu. Jekk jgħoġobkom ftakru f’dan il-jum u xerrdu dan li se nikteb”.

Hekk kitbet fuq mezzi soċjali Noreen Farrugia, il-mara ta’ Pierre Farrugia, li ndarab  sena ilu, waqt l-avveniment Paqpaqli. Dakinhar tal-inċident li seħħ fl-4 ta’ Ottubru 2015, weġġgħu b’kollox 28 persuna, meta karozza Porsche baqgħet dieħla fuq in-nies li kienu qed isegwu l-ispettaklu.

“Żewġi għadu f’riabilitazzjoni intensiva. Il-vjaġġ s’issa kien wieħed twil u mimli uġigħ, u żgur li għadu bogħod milli jintemm. Nixtieq nikkjarifika li minkejja li kien hemm verżjonijiet differenti u ntqal li l-aħħar vittma li kien għad fadal l-isptar ġie rilaxxat xhur ilu, dan mhux il-każ” qalet Noreen, filwaqt li speċifikat li żewġha għadu qiegħed jieħu l-kura f’ċentru apposta f’Tas-Sliema.

Żiedet tgħid “il-proċeduri bil-Qorti għandhom jibdew dalwaqt. Nitttama li din mhix se tkun maratona li ddum snin biex tiġi konkluża. Nittama li l-midruba l-oħra irkupraw, u jinsabu fit-talb tagħna. Grazzi lill-familja u ħbieb li b’mod konsistenti wrew imħabba u appoġġ”.

noreen

F’Jannar li għadda ġiet konkluża l-inkjesta dwar l-inċident. Is-sewwieq tal-Porsche 918 Spyder, l-Inġliż Paul Bailey, mar lura r-Renju Unit wara li kien interrogat mill-Maġistrat tal-inkjesta Consuelo Scerri Herrera. Hu wkoll kien għamel ukoll xi ġranet rikoverat fl-isptar.

Mill-konklużjonijiet ta’ inkjesta Maġisterjali, ħareġ li r-responsabbiltà tal-inċident hi tas-sewwieq, li nstab li kien il-kawża primarja tal-inċident għaliex saq b’veloċità eċċessiva, ta’ aktar minn 170 kilometru fis-siegħa. Kellu wkoll nuqqas ta’ esperjenza u ħila li jikkontrolla l-vettura tiegħu. Is- sewwieq infatti huwa dilettant, u mhux sewwieq professjonali.

pierre

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend