Malta illum uffiċjalment rratifikat it-trattat ta’ Pariġi ġewwa l-Uffiċċju tal-Affarijiet Legali tan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa New York, l-Istati Uniti u għalhekk hija fost waħda minn sitt membri oħra tal-Unjoni Ewropea li flimkien mal-Kummissjoni Ewropea rratifikaw dan it-trattat u li għalhekk issa pajjiżna huwa obbligat li jonora l-obbligi li joħorġu minn dan it-trattat.
Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li dan huwa mument storiku għal pajjiżna fejn jidħol tibdil fil-klima għalhiex ser ikun qed ipoġġi fuq pajjiżna responsabbiltajiet ġodda li bħala Malta aħna rridu nonoraw. Qal li minkejja li l-miri li qed ipoġġi dan it-trattat huma ambizzjużi, l-Gvern huwa kommess li jonora dawn l-obbligi.
Wara l-inizjattivi fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda li ħadet fil-passat u s-Summit dwar l-Azzjoni fuq il-Klima li sar matul iċ-CHOGM f’Novembru li għadda, Malta reġgħet kienet ma’ dawk il-pajjiżi fuq quddiem, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq livell dinji, biex jikkomettu ruħhom li jikkumbattu t-tibdil fil-klima billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’pajjiżhom u jieħdu azzjoni biex jikkonvertu l-ekonomija tagħhom f’waħda li ma tiddependix biss fuq enerġija mill-prodotti magħmula miż-żejt.
Taħt il-Ftehim ta’ Pariġi, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea obbligaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonjiet serra b’40% sas-sena 2030 komparat mas-sena 1990. Filwaqt li sa nofs dan is-seklu l-Unjoni Ewropea mistennija tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’80 sa 90% flimkien mal-pajjiżi oħra żviluppati. Dawn il-miri mistennija jintlaħqu permezz ta’ qafas legali li jindirizza diversi setturi megħjun minn għajnuna finanzjarja li tingħata lill-istess setturi sabiex dawn isiru aktar sostenibbli.
Ir-ratifika ta’ Malta flimkien ma’ dik tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri l-oħra li huma Franza, l-Ungerija, l-Awstrija, l-Portugal, l-Islovakkja u l-Ġermanja kienet kruċjali biex il-Ftehim ta’ Pariġi jiġi fis-seħħ għaliex b’hekk jintlaħaq in-numru ta’ pajjiżi li l-emissjonijiet tagħhom jammontaw għal 55% tal-gassijiet serra fid-dinja. Malta għaldaqstant hija kburija li kienet parteċipi f’dan il-pass storiku biex il-pjaneta tibqa’ sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Malta diġa għandha qafas legali nazzjonali biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u l-miri tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, wara li l-Parlament Malti unanimament kien approva f’Ġunju tas-sena l-oħra l-Att fuq Azzjoni dwar il-Klima. L-isfidi huma ħafna imma dan il-Gvern huwa determinat li jkompli dejjem jinvesti f’enerġija aktar nadifa u li jnaqqas l-emissjoniet mis-setturi kollha.