Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ħabbret it-tielet edizzjoni tal-iskema li permezz tagħha anzjani jistgħu japplikaw biex jakkwistaw biljetti għall-opri f’Għawdex.
Din l-iskema qed issir permezz ta’ ftehim li ntlaħaq bejn it-Teatru Astra u t-Teatru Aurora mas-Segretarjat Parlamentari.
Waqt it-tnedija tal-iskema, Caruana spjegat kif l-opri li jittellgħu f’Għawdex jimmeritaw kull apprezzament u għajnuna biex ikomplu jissaħħu u jsaħħu l-kalendarju kulturali mhux biss f’Għawdex, imma wkoll fuq livell nazzjonali u saħansitra internazzjonali. “Kien għalhekk li permezz ta’ din l-iskema, filwaqt li qed insostnu l-opra f’Għawdex, qed nagħmlu dan fil-kuntest tal-Istrateġija Nazzjaonali għall-Anzjanità Attiva, għax hija skema immirata għall-anzjani li jikkwalifkaw skont kriterji stabbiliti biex, anki fl-oqsma tal-kultura, nippromwovu l-anzjanità attiva f’pajjiżna, qalet Dr Caruana.
Dawk li jibbenefikaw minn din l-iskema se jkollhom l-opportunità li jattendu għall-opri “Carmen” fit-15 ta’ Ottubru u “L’Aida” fid-27 ta’ Ottubru.
Il-kriterji stabbiliti għal din l-iskema huma:
* L-applikant/a jrid ikollhom ‘l fuq minn 60 sena;
* L-applikant/a jridu jipprovdu prova ta’ parteċipazzjoni fis-soċjetà ;
* L-ammont ta’ biljetti huwa limitat u għalhekk hemm numru stabbilit ta’ applikanti li jistgħu jibbenefikaw. Wara li jiġu evalwati l-applikazzjonijiet, l-applikanti eliġibbli jingħataw il-biljetti fuq bażi ta’ first come first served;
* Tingħata prijorità lil dawk l-applikanti li ma bbenefikawx minn din l-iskema s-sena l-oħra.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ħabbret li din is-sena żdiedet l-allokazzjoni finanzjarja, u allura se jkunu jistgħu jibbenefikaw iktar nies.
Għal din it-tnedija kien hemm Paul Cassar, f’isem is-Soċjetà Filarmonika La Stella, u Michael Caruana, f’isem is-Soċjetà Filarmonika Leone, li t-tnejn esprimew is-sodisfazzjon għal din l-inizjattiva u kif sena wara oħra qed issir iktar popolari.
L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-Uffiċju tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, mill-Learning Hub f’Għajnsielem Għawdex, jew billi jċemplu fuq 25903156.