Raġel li ddivorzja lil mara darbtejn ingħata l-kustodja unika ta’ tifla li twieldet lill-omm ‘surrogate’ – jiġifieri li kienet imħallsa biex iġġorr tarbija ta’ koppja oħra f’ġufha.
It-tifla kienet irreġistrata f’isem il-mara.
Każ li taħsbu ġara barra minn xtutna, iżda li għandu protagonisti Maltin, b’ċertu dettalji ma jistgħux jissemmew minħabba li jinvolvu minuri.
Ir-raġel u l-eks mara tiegħu iżżewġu barra minn Malta u kellhom żewġt’itfal. Wara 30 sena, iddivorzjaw, użda wara xi snin irrikonċiljaw u ddeċidew li jkollhom tarbija oħra.
Peress li l-mara ma setgħatx iġġib aktar trabi fid-dinja, iffirmaw ftehim ma’ mara li ġarritilhom lit-tarbija, li twieldet barra minn Malta. Dik li ġarret lit-tarbija irrinunzjat għad-drittijiet kollha fuqha, bl-omm u missier bioloġiċi jibqgħu l-koppja.
Xi xhur wara, iż-żwieġ falla mill-ġdid, u r-raġel ġie Malta bit-tifla. Martu rat lit-tifla biss darba kultant. Riċentemnt qalet li għandha raġel ieħor u talbet lill-missier ma jkellimhiex iktar. Biddlet ukoll in-numru tat-telephone tagħha.
Fil-Qorti l-missier ingħata l-kustodja sħiħa tat-tifla, bil-Qorti tosserva li tinsab kuntensa hawn Malta.
Il-mara m’attendietx il-proċeduri tal-qorti f’pajjiżna.