Minn kollox fil-Parlament – anke int! | One News

Notifiki

Minn kollox fil-Parlament – anke int!

Tul il-lejl ta’ Notte Bianca 2016, li ser issir nhar is-Sibt l-1 ta’ Ottubru, tista’ żżur il-Kamra tad-Deputati tal-Parlament, bejn is-sitta ta’ waranofsinhar u nofsillejl.  Dawn iż-żjarat ser ikunu organizzati bi gwidi li ser jagħtu tagħrif dwar l-għanijiet ta’ din l-istituzzjoni importanti ta’ Malta, il-proċedura parlamentari, ix-xogħol tal-Kumitati tal-Kamra, u ħidmiet oħra tal-Parlament.

Science in the House

Matul din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca, dawk kollha li jkunu qed iżuru l-bini tal-Parlament ta’ Malta jistgħu anke jżuru l-wirja ‘Science in the House’ li tifforma parti minn attività annwali akbar imsejħa Science Week in the City 2016Il-wirja turi x-xogħlijiet ta’ riċerka li qed isiru fl-università fix-xjenza, b’mod partikolari fin-neuroscience, l-informatika (ICT), l-inġinerija, ix-xjenza medika, u l-qasam soċjali.

Transplant Support Group

Fil-bini tal-Parlament se  jkun hemm membri mit-Transplant Support Group (TSG) sabiex iħeġġu aktar Maltin ikunu ġenerużi mal-morda u fl-istess waqt jagħtu tagħrif lil dawk l-individwi li juru x-xewqa tagħhom li jinkitbu fir-Reġistru tad-Donaturi ta’ Organi.  Hija x-xewqa tal-organizzaturi li n-numru tad-donaturi tal-organi jiżdied bl-għan li l-ħtiġijiet tal-pazjenti milquta minn mard kiefer jintlaħqu sabiex nagħtuhom tama għal ħajja aħjar.

Kampanja Nazzjonali għal aktar għarfien dwar id-Dimensja

Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, ser ikun preżenti wkoll fil-bini tal-Parlament waqt l-attività tan-Notte Bianca biex ikompli jippromwovi  kampanja nazzjonali dwar id-dimensja bl-għan li l-pubbliku jsir jaf aktar dwar din il-kundizzjoni medika li tolqot lil ħafna, l-aktar dawk f’età avvanzata. Permezz ta’ din il-kampanja edukattiva, il-pubbliku ser ikun mgħarraf jinduna bl-ewwel sinjali ta’ din il-kundizzjoni u jitħeġġeġ sabiex ikun ta’ għajnuna lil dawk milquta.

WirjaTake Care of the Environment for the Future Generations 

Ser inkun hemm ukoll wirja ta’ lbies b’gazzetti riċiklati u arranġamenti ta’ fjuri bit-tema ‘Take Care of the Environment for the Future Generations’, imtella’ minn Connie Scerri u l-istudenti tagħha, Connie Scerri Floral Class.

Min jixtie iżur il-Parlament għandu jieħu l-karta tal-identità.  It-tfal għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend