The Untouchables – One News

Notifiki

The Untouchables

Pawlu Borg Olivier jagħmilha ta’ gatekeeper. Simon Busuttil għaddej minn Strada Rjali l-Belt dritt dritt, kważi jinjora lill-ġurnalisti, l-iktar tal-ONE. Tweġibiet mimlijin arroganza u attitudni skoretta mal-midja. Flashback. Imsomma, qas kelli għalfejn imur xejn lura, għax ma nbiddel xejn. Dawn għadhom bl-istess attitudni li ħadd ma jista għalihom, li ħadd ma jista’ jmisshom, li jgħidu huma vanġelu, u dak li jgħid ħaddieħor mhux tajjeb. Ftakart fil-film The Untouchables ta’ Robert DeNiro, film fejn grupp ta’ irġiel ħasbu li ħadd ma jista’ għalihom, iżda kif jgħid il-Malti, Ħadd wara Ħadd tasal ta’ kulħadd.

Il-problema imma tfeġġ hawnhekk. Għax ta’ Simon Busuttil, Pawlu Borg Olivier u l-klikka ta’ madwaru ġa waslet, waslet tliet snin ilu, iżda agħar minn DeNiro u sħabu, dawn baqgħu l-istess, baqgħu l-istess minkejja dirsa papali. Baqgħu jaħsbu li ħadd ma jista’ għalihom.

Illum Busuttil pretenda li ħadd ma jmur il-Qorti waqt il-Kawża tas-Siġġijiet, hu biss ried ikun hemm. Hu u dawk l-erbgħa ta’ madwaru, fosthom Jason Azzopardi li sa ftit ilu ma riedx jarah b’nemes lil Simon. Mela araw din, Simon jista’ jkun hemm għax qiegħed fil-kawża, għax il-PN qiegħed fil-kawża, iżda Deputati tal-Partit Laburista ma jistgħux, avolja l-Partit Laburista qiegħed fil-kawża. Ir-raġunar tal-Kap tal-Oppożizzjoni huwa propju ta’ tifel żgħir, li ma jkun irid lil ħadd jilgħab miegħu biex igawdi l-ġugarel waħdu. Il-problema għalih, li l-politika mhux xi logħba, iżda hemm in-nies fin-nofs, aktar minn hekk din il-kawża hija dwar ir-rieda tal-poplu fl-aħħar elezzjoni. Mhux se nidħol fil-mertu tal-każ, iżda b’matematika sempliċi, vantaġġ ta’ 36,000 vot bilfors jagħti numru ta’ siġġijiet, minkejja dan Simon Busuttil għandu dritt jagħmel li jrid.

Bid-differenza tiegħu, il-Partit Laburista ma qagħdx jgħolli t-temperatura biex imorru n-nies quddiem il-Qorti, ma marx Joseph Muscat jindirizza l-ġemgħa, ma bagħatx lin-nies jattakkaw lill-ġurnalisti bi kliem iebes u anke bid-daqqiet. Dik ix-xennata għamluha l-Kap tal-Oppożizzjoni u sieħbu li riedu barra mill-Partit, Jason Azzopardi.

Nistgħu ngħidu minn issa x’ser tkun ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni fiż-żewġ eventwalijiet. Jekk tiġi favur tiegħu, se joħroġ jgħid li saret ġustizzja, se jgħid li l-‘poplu’ kien ‘misruq’ minn żewġ siġġijiet oħra u li l-Partit Nazzjonalista huwa Oppożizzjoni efettiva. Jekk tiġih ħazina se joħroġ jgħid li l-Qorti hija għodda tal-Gvern, li l-Avukat Ġenerali, u l-Ġudikanti kollha huma bażużli tal-Gvern.

Għalhekk ħadd ma jista’ jieħdu bis-serjetà lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Jekk irid jibqa’ jilgħabha tal-untouchable, mhux ħa ntellfulu l-gost aħna. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Ħadd jerġa jasal…

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend