AĠĠORNATA: Il-wirja tal-Airshow maħsuba għal-lum wara nofsinhar fi Smart City tħassret. Ikkonfermaw dan l-organizzaturi li naturalment qalu li din hija ċirkostanza li ma kellhomx kontroll fuqha għax tħassret minħabba l-kundizzjonijiet tal-ajru.
IKTAR QABEL: F’isem il-Malta Aviation Society, Gordon Pace qalilna li s’issa l-ispettaklu fi Smart City se jsir xorta waħda. Ħafna daħlilhom dubju minħabba x-xita li niżlet fl-aħħar ħinijiet.
Il-ħin għall-wirja bl-ajru, bejn il-17:00 u s-19:00 ġie ikkonfermat tajjeb għat-titjir. Fil-ħamsa se jkunu qed jiftħu l-ispettaklu l-Maltin bil-King Air u helikopter. L-ispettaklu ikompli kif jidher hawn:
Ħafna nies interessati fl-avjazzjoni ħatfu l-opportunità biex ilbieraħ iltaqgħu ma’ piloti u ingħataw spejgazzjoni direttament mill-crew dwar il-funzjoni tal-ajruplani. Saħansitra kien hemm vetturi tal-ajru armati biex isibu sottomarini fil-baħar.
Spettaklu mistenni ferm illejla huwa dak tat-team Pioneer, li se jagħmlu logħob tan-nar mill-ajru. Mistoqsi jekk ix-xita taffetwax dan it-tip ta’ spettaklu, Pace qal li logħob tan-nar bħal dan ikun magħmul b’mod li ma jiġix milqut tant, iżda wieħed irid jara t-temp x’se jkun qed joffri.
Mistoqsi dwar il-konkorrenza tal-pubbliku, qal li sodisfatt li filgħodu marru numru ta’ nies sostanzjali fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, iżda l-fatt li l-wirja bl-ajru tista’ titgawda minn Smart City tfisser li ħafna diġa’ ħasbulu għal hemm. Bla dubju wkoll li x-xita ġiegħlet lil xi wħud ifittxu l-kenn ta’ darhom.
Wieħed mill-vantaġġi tal-airshow huwa li fi Smart City d-dħul huwa bla ħlas, pero’ ta’ min wieħed jiftakar li l-Malta Aviation Society taħdem bil-fondi tan-nies.
Fadal l-aħħara ftit ħin għal min irid iżur il-wirja statika fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li tagħlaq fit-15:30.