Is-saga Manoel Island kompliet tiżviluppa fejn din id-darba kienu l-gvern u l-awtorità tal-ippjanar li aġixxew biex jissalvagwardja l-interess taċ-ċittadini. Il-Gvern, ressaq protest ġudizzjarju bil-għan li jinfetaħ l-aċċess għal Manoel Island.
F’dan il-protest, iffirmat mill-Avukat Ġenerali u l-Assistent Avukat Ġenerali, il-Gvern qal illi MIDI plc m’hijiex qiegħda timxi skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ ċens illi hija għandha mal-Gvern dwar art f’Manoel Island. Dan għaliex il-kumpanija
MIDI plc m’hijiex qegħda tħalli aċċess minn Manoel Island għall-partijiet ta’ xatt il-baħar li ma ġewx mgħoddija lill-kumpanija.
Fl-istess waqt, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar li jeżiġi li l-MIDI minnufih tneħħi 4 gradi li twaħħlu bla permess u li qegħdin jostakolaw l-aċċess tal-pubbliku għal kosta.
Il-MIDI għandha 16-il ġurnata biex tieħu l-azzjoni meħtieġa jew tappella l-ordni ta’ infurzar. Fi stqarrija l-gvern qal li “qed isejjaħ lill-kumpanija biex timxi mal-kuntratt u mal-liġijiet ta’ Malta, u tipprovdi l-aċċess li hija obbligata li tipprovdi.”
Żied li dan il-Gvern kien u jibqa pro-business u jinċentiva l-investiment privat f’pajjiżna. “Madanakollu, kif jixhdu dawn l-azzjonijiet, illegalitajiet u abbużi mhux ser ikunu ttollerati,” qal il-Gvern.
Intant, attivisti li qed jiġġieldu għal aċċess f’Manoel Island qasmu bil-baħar u waħlu l-messaġġ “Aċċess Bi Dritt”.
Intant, il-Midi rreaġixxiet u qalet li se tressaq protest ġudizzjarju nhar it-Tnejn. Fi stqarrija baqgħet tiddefendi l-pożizzjoni tagħha li tgħalaq l-aċċess sakemm jitlesta l-proġett.