Kampanja elettorali fi ftit jiem | One News

Notifiki

Kampanja elettorali fi ftit jiem

Skont il-Kap tal-Oppożizzjoni l-elezzjoni ġejja dalwaqt. Saħanistra ddikjara li kien hemm min qallu li ġejja f’Novembru. Dikjarazzjoni li għamilha fuq il-Fosos tal-Floriana u li kieku kellna noqogħdu fuqu allura nifhmu li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, se jkun qiegħed ixolji l-Parlament u tinbeda kampanja elettorali fi ftit jiem. Saħansitra, dejjem bir-raġunament tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l- Parlament lanqas jerġa’ jiltaqa’. Xejn ma kont sorpriż b’din id-dikjarazzjoni ta’ Simon Busuttil.

Ilna ġimgħat nirrapportaw internament li biex isaħħaħ postu l-Kap Nazzjonalista kien qiegħed iwebbel lin-nies tiegħu b’elezzjoni bikrija. Seta’ kien hemm min iddubita (anke jekk ma kellux għalfejn għax ilna sena niżvelaw bl-eżatt mill-qalba tal-PN) u dan issa semagħha minn fomm Busuttil innifsu. Ħa nkunu ċari Simon Busuttil għandu xewqa kbira li dan isir. L- elezzjoni ilu jixtieqa din is-sena mill-mument li laħaq Kap. Għax jixtieq jittanta xortih qabel il-Presidenza Ewropea minħabba din il-fisazzjoni li għandu li jkun hu fi tmun tal-pajjiż f’dan il-mument importanti.

Peró huwa ċar li se jibqa’ b’xiber imnieħer. Għax fi ftit jiem mhux kampanja elettorali se jkollna, iżda;

• Fi ftit jiem terġa’ toħroġ l-istatistika tal-qgħad u mhemmx dubju li din terġa’ tikkonferma li Malta għandha fost l-aħjar riżultati fl- Ewropa.

• Fi ftit jiem tibda sena skolastika ġdida u eluf ta’ studenti se jidħlu jew fi skejjel ġodda jew f’oħrajn mibdula grazzi għall-investiment miljunarju li għamel il-gvern.

• Fi ftit jiem jispiċċa l-aqwa sajf għat-turiżmu f’ħafna snin.

• Fi ftit jiem ikomplu jieħdu l-ħajja l-investimenti tal-iskola medika ta’ Barts u l-American University of Malta.

• Fi ftit jiem se joħorġu iktar aħbarijiet sbieħ mal-industrija tal-films u mhux kampanja elettorali.

• Fi ftit jiem m’għandiex dubju li nkunu qegħdin nisimgħu dwar investimenti ġodda kif għamilna tul l-aħħar snin.

• Fi ftit jiem ikunu nistgħu nsegwu iktar żviluppi mal-Presidenza ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u s-summit informali li se jsir Malta.

F’kelma oħra fi ftit jiem, jew aħjar ma’ kull jum li jgħaddi, nkomplu nirrealizzaw kemm dan hu pajjiż li qed jinbidel għall-aħjar. Xi ħaġa li tista’ toffri kunfidenza kbira lill-Prim Ministru li kieku jrid imur għall-elezzjoni. Iżda, l-leġiżlatura jonqosha. Hemm ħafna iktar xogħol xi jsir u għalhekk Simon Busuttil irid jistenna. Biex jilqa’ għall-kritika interna jaqbillu jivvinta skuza oħra.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend