Il-Police Officers Union ireaġixxiet għal kumment li f’Manoel Island dalgħodu l-kummissarju tal-Pulizija bagħat 30 ħanżir (30 pigs). Dan b’referenza għall-preżenza ta’ membri tal-Korp minħabba attività li kien hemm dalgħodu fuq il-post hekk kif kompliet is-saga dwar l-aċċess għal dan il-post.
“Dan l-iscreenshot wasal għand il-POU GWU mingħand membri tal-pubbliku li japprezzaw ix-xogħol li nagħmlu għas-soċjetà bħala Pulizija. Sfortunatament mhux kulħadd jifhem u japprezza l-ħidma tagħna u ċertu Albert Fenech illum għoġbu jinsulta l-membri tal-Pulizija li kienu assenjati fuq biċċa xogħol Manoel Island,” qal Sandro Camilleri, President tal-POU.
Żied li l-POU GWU tiddeplora dawn it-tipi ta’ insulti fil-konfront tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li jkunu qed iwettqu dmirhom sabiex iżommu l-bon ordni.
Aġġornat: Il-persuna li għaddiet dan il-kumment ċemplet lill-Ispettur Sandro Camilleri u skużat ruħha għal dawn il-kummenti li għaddiet.