Wara 42 sena, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti se jiċċaqlaq | One News

Notifiki

Wara 42 sena, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti se jiċċaqlaq

 Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti se jagħlaq il-bieb għall-aħħar darba fi Triq Nofsinhar il-Belt Valletta nhar il-Ħadd 2 t’Ottubru.

Għal 42 sena l-Mużew Nazzjonali tal-Arti opera mid-Dar tal-Ammiraljat, kif inhi magħrufa l-binja, minħabba l-użu tagħha bħala r-residenza uffiċjali tal-Ammiraljat Ingliż fil-Mediterran fil-perjodu tal-kolonjaliżmu Ingliż.

Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti se jiġi trasferit fil-Berġa tal-Italja fi Triq Merkanti fejn bħalissa għaddej ix-xogħol bi tħejjija ħalli l-kollezzjoni tal-arti tkun tista’ tiġi trasferita fil-binja l-ġdida. Ix-xogħol miexi kif ippjanat u l-mużew se jkun magħruf bħala l-MUŻA. Il-Mużew tal-Arti l-ġdid se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku fl-2018 meta l-Belt Valletta tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Sadanittant waħda mill-pitturi fil-kollezzjoni tal-Mużew tal-Arti se tiġi esebita f’wirja tal-arti li se tittella’ fi New York u f’Pariġi, bl-isem ta’ Valentin de Boulogne: Beyond Caravaggio. ‘Judith and Holofernes’ impittra fis-seklu sbatax mill-pittur Valentin de Boulogne (1591-1632), se tkun għall-wiri fil-Mużew tal-Arti Metropolitan ta’ New York mis-7 t’Ottubru li ġej sas-16 ta’ Jannar 2017.

Wara l-istess pittura se tkun esebita fil-Louvre f’Pariġi fi Franza bejn l-20 ta’ Frar u t-22 ta’ Mejju 2017 fejn dan il-perjodu se jaħbat mal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea bejn Jannar u Ġunju tas-sena d-dieħla. Inċidentalment din il-pittura kienet ukoll mislufa għall-aħħar wirja internazzjonali dwar artisti Franċiżi segwaċi ta’ Caravaggio, li fosthom kienu jinkludu lil Valentin de Boulogne. Din il-wirja kienet saret fl-Akkademja Franċiża f’Ruma u fil-Grand Palais f’Pariġi fl-1973.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend