• Udjenzi ferm ikbar minn tan-NET
• ONE Radio jibqa’ l-iktar popolari
L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir ikkonferma li ONE NEWS baqa’ ferm iktar popolari mill-aħbarijiet ta’ NET, l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, b’ċerti jiem l-udjenzi ta’ ONE NEWS jilħqu l-61,000. Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir ippubblikat illum u li reġa’ kkonferma riżultati tajbin. Fuq medda ta’ ġimgħa ONE NEWS għandu udjenzi medji ta’ madwar 35,000 filwaqt li NET TV jilħaq biss medja ta’ madwar 11,000 spettatur.
F’ċerti jiem, dejjem skont l-istħarriġ, id-differenza toħroġ ferm iktar. Bħal nhar ta’ Tnejn fejn ONE NEWS ikollu udjenza ta’ 43,000 u NET 16,000 jew it-Tlieta bl-udjenza ta’ ONE 61,000 u dik ta’ NET ta’ 16,000. Dan meta l-bulettin tal-aħbarijiet ikunu qed jixxandru fl-istess ħin qabel fil-ħin ta’ tmienja jixxandar waħdu l-aħbarijiet tal-PBS.
F’kumment b’reazzjoni għal din l-aħbar, Aleander Balzan, Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE qal li dan huwa riżultat ta’ sodisfazzjon bl-udjenzi huma b’saħħithom meta wieħed iqis li dan huwa x-xahar ta’ Lulju. “Iżda, għalkemm sodisfatti b’dan ir-riżultat ħarsitna hija kompletament fuq l-iskeda li se tibda ftit tal-jiem oħra. Se nsaħħu l-iskeda tal-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti b’mod li se tkun l-aqwa waħda fl-aħħar snin. Kemm bħala kwantita kif ukoll bħala kwalitá.”
One Radio baqa’ l-iktar stazzjon popolari. Fl-istħarriġ One Radio kiseb medja ta’ udjenza medja ta’ 22.3%. Wara One Radio segwa Bay Radio. L-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Radio 101, għandu biss udjenza medja ta’ 5.18%.
Fit-televiżjoni ONE klassifika wara l-istazzjoni nazzjonali. Qrib ħafna hekk kif l-istazzjon nazzjonali għandu udjenza medja ta’ 29.4% u ONE 22.3%. NET TV kellu biss udjenza medja ta’ 7.4%.