Il-Parlament Ewropew għadu kemm ivvota kontra n-nomina ta’ Leo Brincat biex ikun membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
229 ivvotaw favur u 381 ivvotaw kontra n-nomina tiegħu. Kien hemm 58 astensjoni.
Dan kien it-tieni test minn tlieta għal Leo Brincat bid-deċiżjoni finali hija f’idejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bil-Parlament Ewropew għandu biss rwol konsultattiv.
Fl-ewwel parti tal-proċess quddiem il-kumitat għall-baġit Leo Brincat kiseb l-approvazzjoni. Iżda, mhux l-istess ġara fil-plenarja wara li l-ikbar grupp, il-Partit Popolari Ewropew iddeċieda li jivvota kontra n-nomina ta’ Brincat.
Il-Partit Popolari Ewropew huwa dak li membru tiegħu hemm il-Partit Nazzjonalista, bl-MEPs Maltin jaħdmu konta n-nomina tal-kandidat Malti. Tant li l-Kap Nazzjonalista qal li ħa gost bil-vot kontra.
Fl-aħħar xhur kien hemm nomini ta’ pajjiżi oħra li la kienu approvati mill-kumitat u lanqas mill-plenarja, iżda finalment kisbu l-barka tal-Kunsill Ewropew u llum ipoġġu fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Permezz ta’ Facebook, Brincat ikkonferma l-pass li jmiss. Dak li jmur għall-approvazzjoni tal-Kunsill.