Id-dwejjaq ta’ Sajmin – One News

Notifiki

Id-dwejjaq ta’ Sajmin

Bħali taqraw il-ġurnali intom hux. Issa forsi ma taqrawhomx kollha kuljum, minn tarf sa’ tarf, bħal ma nagħmel jien, imma xi ħaġa taqraw. U xejn xejn jekk ma taqrawhomx kollha qed tiffrankaw il-pilloli tat-taqlieħ fl-istonku. Forsi tarawhom onlajn. Anyway. Sajmin tal-klassi elite ilu joħroġ bil-gaffs u jħallat il-ħass. Bejn ħass ikkabuċċjat u ħass lollo rosso ta! X’kull waħda! Kemm il-marelli jiġri moħħkom!

Dejjem skont Sajmin, il-poplu Malti mdejjaq. Ma nafx kif żeffen il-baġit mad-dwejjaq li qal li qed iħossu l-Maltin u l-Għawdxin. Issa n-nies li jkunu mdejjqa sa’ fejn naf jien, jingħalqu ġewwa u joqgħodu jħabbtu rashom mal-pali t’idejhom. Jew joqgħodu bil-qegħdha u jissajminjaw (Dizzjunarju Sinġin-Malti jis-saj-min-jaw verb: tissajminja. Tiċċassa bla ma tgħid xejn ta’ sustanza; per eż. Wara li t-tielet aġenzija internazzjonali għolliet il-credit rating ta’ Malta, Ċikku beda jissajminja lejn l-inkwadru ta’ Sant’Antnin u jlaqlaq talb biex isiblu r-raġuni).

Nies imdejjqa ma’ jmorrux bi ħġarhom ir-Rockorkestra. Nies imdejjqa ma’ jmorrux jieklu barra. Allura ma nafx minn fejn il-mniegħel ħarġet l-istatistika li f’dawn l-aħħar snin żdiedu n-nies li jmorru jieklu barra. Anki l-istatistika kontra Sajmin. Imbasta jkun hawn min ipeċlaq li l-Maltin u l-Għawdxin imdejjqin. U le!

Kont qiegħed mitfuh fuq is-sufan mitluq, naħseb u nħares lejn is-saqaf.

It-trankwillità malajr inqatgħet ħesrem bil-qanpiena tal-bieb ta’ barra. U b’vuċi għolja tħanxar, tidwi mat-triq kollha. “Ajtjeeeeeeeeeen”. Tħabbita mal-bieb ta’ barra. “Ajtjeeeeeeen”.

U l-marelli santa!

Inżilt it-taraġ tnejn tnejn u ftaħt. Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel.

“Ara x’qed ngħidlek”, ibbumbardjatni Ċensina hekk kif lanqas biss kont għadni ftaħt il-bieb u mbuttatu hi minn barra, u ordnati, hekk kif il-bieb infetaħ żbrixx minn mal-Alla jbierek imnieħri, “Illum iva trid tgħid. Għax illum nista’ ħi. Qabel kont ngħodd il-jurows biex nara kif se nlaħħaq, imma llum b’Joseph tagħna fil-gvern, din l-uġiegħ ta’ ras telqet. F’nofsinhar ġej tiekol għandi llum. Kwarta oħra trid tkun hemm bil-qiegħda”. Tatni dahra u patatta u telqet tfekren żewġ bibien ‘l isfel, dejjem faċċata tiegħi.

Ħallietni hemm nissajminja waħdi. Ċass lanqas biss naf x’laqatni, “Ċens … imma … e …. Ċens … emmm …”

Fakk it. Issa biex Etienne jiekol minn taħt idejn ħaddiehor ci vuole e! Ħaqq għad-dwejjaq li għandhom il-Maltin u Għawdxin ta’ Sajmin! Imma għaliex hux?

Kwarta wara kont hemm bil-qiegħda. Fi kċina f’dar faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel. Qalbi tħabbat tnax tnax. Issa mhux għax Ċensina kienet imdellka ta! Kont nasal li niekol mingħandha. Imma jien fl-ikel tiġinix bin-nejċ. (Propjament tikiteb bil-‘k’ din, bħal ma’ Mikallef l-aqwa investigatur tal-istejjer fażulli jikteb Micallef bil-‘k’).

Imma nsomma, ara, issa hemm kont.

Ferratli tazza lewż morr minn dak li tħallat bl-ilma, hekk kif bdiet, “Allura xi tgħidli sabiħ, Ajtjen ħi?” Issa la qiegħed hawn, inħawduha aktar milli Ċensina damet tħawwad l-essenza tal-lewż morr mal-ilma.

“U kif tridni nkun Ċens!” weġibt, “Dwejjaq kbar!”

“Ara da!”, wieġbet Ċensina, hekk kif stirat il-parti ta’ quddiema tat-tvalja. Ħarset lejja b’ħarsa ta’ “mur tnellaħ” u kompliet.

“Dwejjaq int? U biex tridu jkollok id-dwejjaq int, x’kull waħda?”

“Għax … għax … għax Ċens … għax”, issajminjajt jien (apposta din id-darba).

“U mur x’qerda fik!”, wieġbet Ċensina. “Taf min għandu dwejjaq hux?”, kompliet waqt li qamet bil-wieqfa u ddrittat l-imgħarfa, l-furketta u s-sikkina ta’ quddiema u farfrret xi frak immaġinarju minn bejniethom, “Taf min hu miżgħud bid-dwejjaq? God’s gift to Malta ruħi!”

Hekk kif qaltli hekk, daħlet fil-kamra ta’ maġenb dik li konna fiha u smajtha ċċekċek il-platti u borma naħseb.

“Sajmin patria nostra miżgħud bid-dwejjaq Ajtjen ħi”, fajjret Ċensina minn ġol-kċina b’leħen aktar għoli biex nisma’. “Miskin ma jistax jifhem kif aktar ma jgħid li Malta qed tegħreq, li waqgħet dalma fuq il-pajjiż, u x’il-marelli qed igerfex u jgħid aktar, aktar kullħadd qed ifaħħarna u jgħir għalina kemm sejrin ‘l quddiem u qed insiru l-aħjar fl-Ewropa f’ħafna affarijiet”.

Ċensina resqet lejn il-mejda b’żewġ platti fondi. Poġġiet wieħed quddiemi. Daret mal-mejda u poġġiet ieħor quddiema. Taħt il-fjuri roża, weraq ħomor u naqra zigarelli tad-deheb mitfi li kienu jdawwru x-xifer tal-platt kien hemm daqs erba’ kuċċaruni brodu tal-laħam. Ejja, wieħed mill-aktar platti favoriti. Issa naraw it-togħma! Imma għadda mit-test!

Bejn mgħarfa dieħla f’ħalqa u oħra, kompliet. “Taf biex qed jaqbdu d-dwejjaq? Bir-rassa tan-nies li kellu għall-laqgħat li għamel tal-Indipendenza ħaħ ħaj”. Tellgħat mgħarfa oħra, nefħitilha u daħħlitha fit-trabokk. “Taf biex qed jaqbdu d-dwejjaq? Għax anki Anġlu Xuereb qed jgħid li l-gvern ta’ Joseph favur il-biżnis. Ma naħsibx li niżlitlu għasel dik hux?”

Tassew. Hekk qal dil-ġimgħa Anġlu. ‘Dan il-Gvern huwa ‘pro-business’ u kull gvern għandu jkun hekk…’

“Taf biex għandu d-dwejjaq Sajmin? Għax tant ma jista’ jikkritika xejn li għandu nervi jiekluh biex jara ma xhiex se jaqbad, Ajtjen. U kull ħaġa li jara jrid isejħilha skandlu meta lanqas biss tkun mibnija fuq sisien sodi …. ħaħ ħa ħaj … tiftakara tas-sisien sodi? U mall-ewwel jgħajjat skandlu. U le jaħasra!”

Mal-jaħasra, qamet, ġabret il-platt tagħha u tiegħi u reġgħet lebtet lejn il-kċina. Eġajt bdejt nisma’ ċ-ċekik tal-platti. Sakemm kienet qed taqleb għollejt rasi u bdejt inħares lejn is-saqaf. Naħseb. Kif kont qed nagħmel ftit qabel f’dari. Għax tassew, l-ispiżjar milli jkollu jagħtik hux jgħid il-Malti. Dwejjaq. Il-Maltin u l-ħawdxin kollha mdejjqin. U le! Minn taħt il-għajn ilmaħt brimba fil-kantuniera. Titbandal mar-riħ tal-fann f’nofs l-għanqbuta. Tbissimt.

“Hawn ħa!”, qaltli Ċensina hekk kif poġġiet it-tieni platt quddiemi. Biċċa stejk tfuħ, patata maqtugħa min-nofs imbaskta moqlija u ftit ħaxix. Ok not bad. Il-ħaxix jibbilanċja l-patata moqlija. U dik il-patata avolja moqlija, nħobba mmens. Inħobba aktar minn kemm tħobb lil Sajmin Anne Fenech, li sserrħet moħħ il-Maltin li l-pajjiż għad għandu tama jekk iħares lejn Sajmin. God be with me!

“Tajjeb għalik dak?”, staqsietni Ċensina. “U ngħid!”, weġibt jien. Intfajna nieklu.

Wara ftit sekondi reġgħet. “U din taċ-ċedoli … tlett miljun marelli ħej! Smajtu lil Joseph tagħna x’qallu dalgħodu hux Ajtjen?”

Tajt tnejn b’rasi u komplejt inqatta’ l-laħam. Tajjeb e! Ħdejn Ċensina, Manwel tal-Wan kien apprentist fil-kċina. Komplejt niekol, hekk kif bdejt indawwar żewġ patatiet min-nofs ħalli niekol ftit ħaxix.

“Qallu jippublika l-ismijiet. Qallu li l-iskema sigrieta taċ-ċedoli kien ivvintaha biex jaħrab mil-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Qallu li l-iskema taċ-ċedoli għandha xebħ ma’ skema tal-ħasil tal-flus”.

Erġajt dawwart dawk iż-żewġ patatiet min-nofs u qtajt biċċa laħam oħra.

“Għax Ajtjen, min se jagħtik flus hekk hux, ngħid jien?”

Ħarist lejn Ċensina u niżżilt kemm kemm għajnejja, biex nuriha li qed naqbel magħha. Fil-pront erġajt ilmaħt il-brimba. B’ħalqi mimli fettilli nsemmi l-brimba ma’ Ċensina.

“Għanqbut”. Aktar ħarġet tixbaħ “anbut”, bl-ikel f’ħalqi, imma Ċensina fehmitni.

“U żguuuur li għanqbut”, karkret Ċensina. Min jaf xi brimba u għanqbut hemm ruħi f’din l-iskema sigrieta! Mhux dwejjaq din il-biċċa xogħol jew?”

La fehmet hekk, fehmet hekk! Ħallejtha jien!

Dawwart iż-żewġ patatiet mal-ġenb u tfajt tlett sinniet tal-metall fl-aħħar biċċa laham li kien fadal. Kont qed niekol verament bil-qalb, mingħajr dwejjaq ta’ xejn.

Fil-pront, hekk kif kont għadni qed inniżżel il-furketta, Ċensina ressqet is-siġġu lura b’għaġġla, intlewiet fuq il-mejda, ħaditli l-platt u tefgħet iż-żewġ patatiet li kien għad fadalli, fil-platt tagħha!

“Leeeeeeee” għajjat f’qalbi filwaqt li ssajminjajt lejn Ċensina. “Ċens … eh … emm … e…”

“U mhux int, se ddum iddawwarhom mal-platt povri żewġ patatiet! Darb’oħra għidli li ma għoġbukx!”, qalti hekk kif tefgħethom mingħar ċerimonji f’ħalqa.

Leeeeee!

Għax jien għandi l-vizzju li l-aktar ħaġa li nkun inħobb fil-platt, inħalliha għall-aħħar! Leeeeee!

Ħaqq għaċ-ċedoli, l-għanqbut u d-dwejjaq li suppost għandhom il-Maltin u l-Għawdxin u d-dwejjaq ta’ Sajmin kollha f’daqqa!

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend