Hemm 3,000 katavru fil-Mediterran, u dan bejn Jannar u Ġunju biss | One News

Notifiki

Hemm 3,000 katavru fil-Mediterran, u dan bejn Jannar u Ġunju biss

Ċifri tal-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni juru realtà xokkanti li teżisti xiber ‘l bogħod minna.

Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena kienu iktar minn 3,700 immigrant li tilfu ħajjithom bi 3,000 minnhom sabu qabarhom fil-baħar Mediterran.

Konxji mill-fatt li r-rotta bejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa hija l-aktar waħda mfittxija mill-immigranti li jagħżlu li jagħmlu l-vjaġġ ta’ ħajjithom biex ikollhom futur aħjar, dawn il-figuri xorta juru sitwazzjoni traġika umanitarja.

Filfatt fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, in-numru ta’ immigranti li tilfu ħajjithom żdied bi tlieta u għoxrin fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Saħansitra jekk inmorru lura lejn l-2014, dan in-numru aktar milli rdoppja.

Quddiem is-sitwazzjoni ta’ instabilità fil-Libja, ir-rapport tal-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni jgħid li l-portijiet fl-Eġittu qed jintużaw iżjed biex l-immigranti jieħdu triq iżjed twila imma f’moħħhom forsi aktar sigura lejn l-Ewropa.

Il-problema tat-traġedji umani f’qiegħ il-baħar Mediterran ilha takkumula għal numru ta’ snin, bl-isfidi li jġib magħha waqgħu f’ħoġor l-Unjoni Ewropea.

Il-Valletta Summit kien għen biex il-mexxejja Ewropej u dawk Afrikani jiddiskutu fuq l-istess mejda l-prospetti lejn soluzzjonijiet għall-problema tal-immigrazzjoni.

Fuq in-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea laħqet anki ftehim mat-Turkija permezz ta’ finanzjament qawwi lejn il-Gvern Tork biex hu jikkontrolla l-qsim tan-nies minn pajjiżu lejn il-Greċja.

 Screen Shot 2016-09-03 at 12.31.10

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend