Il-bżonn ta' iktar responsabbilta' | One News

Notifiki

Il-bżonn ta’ iktar responsabbilta’

L-isport bil-kenuri qed jiżdied madwar il-kosta Maltija. Diversi nies qed jixtru kenura għall-użu personali, filwaqt li oħrajn jippreferu jikru waħda meta jmorru ġurnata bahar. Il-kosta Maltija toffri veduti sbieħ, u għerien interessanti li jsaħħru lil min iżurhom. Madanakollu, ma nistgħux inwarrbu l-importanza tas-sigurtà f’dak kollu li nagħmlu, u nittama li xi darba negħlbu din il-mentalita’ ta’ “kollox jgħaddi”, bħal donnu pajjiżna huwa eżentat milli sseħħ  xi diżgrazzja.

Ftit tal-ġranet ilu assistejna għall-aħbar ta’ żewg żgħażagħ li nqabdu f’diffikulta biex joħorġu minn ġo daħla fil-blat fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa. Dik it-toqba, kif insejħilha, hija popolari ma min għandu kenura jew dgħajsa żgħira. It-toqba toffri baħar sabiħ, u bir-rifless tax-xemx tara l-qiegħ ċar, ċagħaq u ħut – attrazzjoni naturali mill-isbaħ. Iżda lura għal dan il-każ…li bi ftit aktar attenzjoni seta’ kien evitat. Illi tispiċċa bżonn l-għajnuna ta’ helicopter tal-Forzi Armati m’hiex ħaġa li għandha tittieħed b’mod leġġer. Jidher li l-kenuri kienu mikrija, u biex tidħol f’dik id-daħla trid tkun attent għaliha inti u taqdef mal-kosta. Il-mewġ ma kienx mil-ħfief, bir-riħ ivarja bejn forza 3 u forza 4 f’baħar miftuħ. Allura nikri kenura lil żewġ żgħażagħ f’kundizzjonijiet ta’ temp instabbli? Fejn hi r-responsabbilta’ ta’ sid il-kenuri?

Screen Shot 2016-09-01 at 13.35.10 Ħadt gost nsegwi intervista tal-ġurnalist Neil Azzopardi Ferriggi mas-Sur Steve Rizzo mill-Malta Canoe Federation. Naqbel perfettament mas-Sur Rizzo fejn qal li s-settur tal-kiri u tours bil-kenuri għandu jkun regolarizzat – għall-ġid ta’ kull min jagħmel użu minn dan is-servizz. Ma nistgħux nibqgħu b’din il-kultura naive, qisu xejn mhu xejn. Veru li inċidenti jistgħu jinqalgħu u ma tistax tipprevedi kollox, iżda lanqas huwa ġust li tħalli kollox għal rieħu mingħajr responsabbilta’ ta’ xejn sakemm jinqala’ xi inċident!

Is-sid ta’ kenura personali għandu jkun responsabbli biżżejjed biex jgħaraf il-kundizzjonijiet tal-baħar u jiffamiljarizza ruħu mat-taħriġ baziku tas-sigurta’ fl-uzu tal-kenura.  Min-naħa l-oħra, il-persuna li qed jikri għandu jkun imħarreġ u attrezzat biex jgħaraf il-kundizzjonijiet u kapaċi jieħu azzjoni f’każijiet t’emerġenza. Ukoll, għandhom jidħlu fis-seħħ restrizzjonijiet relatati mal-kiri tal-opra, speċjalment meta t-temp ma jkunx addattat.

Il-baħar huwa misterjuż, li ma jiddependix biss mir-riħ attwali iżda anki l-effetti tal-imbatt, mewġ u kurrenti. Fi ftit ħin faċli jdur ir-riħ, jinbidel it-temp u l-kundizzjonijiet tal-baħar. L-avventura hija sabiħa, iżda li tipperikola ħajtek, u ta’ dawk ta’ madwarek, hija negliġenza u ġennata.

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend