Sejrin jagħmlu pipi! – One News

Notifiki

Sejrin jagħmlu pipi!

Tiftakruh lil Austin Gatt jgħidilna li l-Grupp Parlamentari u hu marru jagħmlu pipi waqt li kien ħiereġ mid-Dar Ċentrali b’dik in-nofs daħka arroganti tipika tiegħu?

Dakinhar l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista u l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, li prattikament għadu l-istess illum,  kienu tkellmu dwar l-elezzjoni farsa li kienet isejjħet biex Lawrence Gonzi jkun ikkonfermat Kap tal-PN fl-istess żmien li kien tilef il-maġġoranza Parlamentari wara li Franco Debono ma kienx ivvota mal-Gvern tiegħu.

Minn dik l-elezzjoni, li Gonzi kien tellaq waħdu fiha, il-pajjiż u l-poplu kienu nżammu ostaġġi bi Gvern mingħajr maġġoranza Parlamentari, li eventwalment spiċċa biex ġie sfiduċjat f’ Diċembru 2012, sempliċiment biex jibqgħu mwaħħlin mas-siġġu tal-poter.

Dak iż-żmien Gvern Nazzjonalista għamel minn kollox biex jevita elezzjoni bikrija, anke askapitu tal-ekonomija ta’ pajjiżna li kienet fi krizi, askapitu tal-impjiegi u l-investimenti, fuq kollox askapitu tal-familji Maltin u Għawdxin.

Illum qed jiġri l-istess fil-Partit Nazzjonalista. Fil-verità s-sitwazzjoni preżenti fakkritni f’dak li kien għaddej fl-aħħar ftit xhur tal-aħħar Gvern Nazzjonalista. Bid-differenza li llum Simon Busuttil qed jitkellem dwar elezzjoni bikrija, mhux biex “isalva” l-Partit tiegħu mill-Oppożizzjoni kif kien għamel bħala Viċi Kap flimkien ma’ Gonzi, imma biex isalva ġildu bħala “Kap”.

Ilbieraħ wara nofsinhar inżammet laqgħa tal-Grupp ta’ tmexxija tal-PN, mhux l-istamperija (jew li fadal minnha), imma f’lukanda, li minnha nnifisha wkoll tqajjem mistoqsijiet, fejn f’kumment li ta lil ONE News wara l-laqgħa Simon Busuttil qal li l-Grupp tiegħu u hu tkellmu dwar kif qed jipprepara għall-elezzjoni li suppost ġejja dalwaqt. Sirna nafu wkoll li qagħdu jaraw filmati u diskorsi ta’ Barak Obama, naħseb li fil-verità kienu qed jaqraw il-ktieb li ħareġ Obama qabel l-elezzjoni tal-2008 fl-Amerika, The Audacity of Hope, il-kuraġġ li wieħed jittama, li jkollu biex jittama. Simon hekk qed jagħmel. Qed jimla’ l-imħuħ tan-nies tiegħu li l-elezzjoni ġejja dalwaqt, anke jekk jaf li bil-liġi fadal sentejn, biex idaħħalha f’moħħhom li ma jistgħux ibiddlu issa, li l-Partit ma jaqbilux. Flok it-tama lin-nies, it-tama għalih innifsu li jibqa’ hemm. Rajtuh Obama!. M’għandiex xi ngħidu Beppe jaqbel miegħu, inkella x’se jiġri minn ħuħ, Michael Fenech Adami?!. (dak daħal jaħdem fil-PN filwaqt li tkeċċew il-kumplament tal-ħaddiema li għamlu għomorhom jaħdmu hemm).

Illum mistennija tissokta l-maratona ta’ appelli għal Simon Busuttil f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari li se jiltaqa’ aktar tard taħt il-maskla li se jitkellmu fuq il-Visas mediċi. Tgħid li llum flok lil Austin jgħidilna li għamel pipi se naraw lil Jason Azzopardi li se jgħid li għadu kif tefa’ botta fuq il-Kap biex idabbar rasu?

Nistennew u naraw.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend