Sajminitis u naqra Majkilcocculus ukoll – One News

Notifiki

Sajminitis u naqra Majkilcocculus ukoll

Assolutament ma bdejtx inħossni f’tiegħi. Dardir fl-istonku u biex tgħaxxaq bdejt inħossu mqalleb ukoll. Fawra kbira. Moħħi bdejt inħossu stordut. Paċenzja xejn, li lanqas kieku kellu jiġi Ġob u jeħodli posti, ma kien isib irkaptu u kien ikollhom jiktbu l-istorja tiegħu mill-ġdid. Għaraq ixoqq għalija u naħseb kelli ħabel deni wkoll. Bdejt nippassiġġa mal-kuridur tad-dar, ma nafx x’se naqbad nagħmel bija nnifsi. U aktar ma nipassiġġa, aktar bdejt inħoss is-sintomi kollha t’hawn fuq.

Mort fil-kamra tal-banju u xarrabt wiċċi. Ħarist fil-mera u bdejt narani safrani. Bqajt ħiereġ fil-gallerija, li faċċata tagħha żewġ gallerijiet ‘l isfel kien hemm il-gallerija ta’ Ċensina. Ftaħt it-tieqa u ttawwalt ‘l barra. Aktar ġejt ottu kif donnu ħajt ta’ sħana tani hi-five ġo wiċċi. ‘L isfel ilmaħt lil Ċensina bilqegħda fuq siġġu, l-minkeb t’idha l-leminija fuq kuxin mistrieħa fuq kuxtejha u fil-pala t’idha żżomm gedduma.

Mhux soltu tiegħi, imma kelli bżonn inparla. Inżilt, qsamt it-triq u mxejt passejn fuq il-banikna sakemm wasalt ħdejn Ċensina. Tajt daqqa ta’ ras b’tislima u nżilt bil-qieghda fuq l-għatba, rasi livell ma’ koxxitha.

“Int orrajt, jew, Ajtjen?”

“Le ta!”

“Tidher ruħi!”, qaltli Ċensina, hekk kif neħħiet gedduma minn fuq il-pala t’idha u ħarset lejja. Kompliet, “Ħa nidħol inġiblek naqa luminata kiesħa, għax tidher li għandek bżonn tiffriska, Ajtjen ħi”. Mingħajr ma semgħet il-protesti tiegħi, għax jien inparla ridt u mhux nixrob, daħlet ‘l ġewwa. Ftit sekondi wara, rajtha ħierġa b’tazza luminata f’idha u fl-oħra fan tal-istand, bil-wajer jiġri warajha qisu serp u l-plakk jiżfen min naħa għall-oħra tal-kuridur.

“Hemm għalfejn fan, Ċens?”

“U mela, ħa tneħħi dik il-fawra li għandek, Ajtjen ħi. U issa nistgħu, għax m’hemmx għalfejn naħslu l-ħwejjeġ f’nofs ta’ lejl biex il-kontijiet ma jiġux għolja, kif qalilna l-bravu li ġie minn Brussell ħalli mingħalieh isalva l-partit tal-maduma u tefgħu mit-taġen għal ġon-nar! Ejja ruħi, għin naqra lilek innifsek u  qum naqra minn hemm u ħuduli minn idi!” qaltli Ċensina, filwaqt li kompliet bl-instructions, “Qabbad il-plakk, hemm post wara l-bieb, u dawwru għal fuqek”.

Obdejt l-instructions u erġajt stabatt mal-għatba, filwaqt li Ċensina bla ċerimonji ta’ xejn, deffsitli t-tazza tal-luminata ma’ wiċċi u ħallietha hemm sakemm… “Ejja ċass, ħu naqra t-tazza ħi, marelli x’int fjakk dalgħodu! X’ġaralek? Tidher mhux postok sew e!”

“U ma nafx biex, Ċens!” weġibtha, jien u nieħu belgħa luminata. Żgur minn dawk tal-essenza li tħallat mal-ilma, għax togħma ta’ ilma mdardar fjakk fjakk b’tomgħa ‘l bogħod ta’ larinġ kien.

“Għadek m’għidtlix x’ġaralek Ajtjen.” Qaltli Ċensina. Is-sintomi hemm kien għadhom, minkejja r-riħ li bdiet titfa’ l-fan fuqi. Issa mitfugh kif kont fuq l-għatba, baxx aktar minn Ċensina, nħares ‘l fuq biex inkellima, bdejt inħossni qisni tifel żgħir għand it-tabib. Donni stennejt li taqbadli geddumi, tgħidli biex niftaħ ħalqi u noħroġ ilsieni, biex tara t-tunsilli!

Meta ratni ma ftaħtx ħalqi kompliet, “Iva għamel naqra sforz Ajtjen ħi. Ejja nibdew, il-bieraħ fil-għaxija kilt xi ħaġa jew xrobt naqra żżejjed?”

“Le ta! Platt laħam taż-żiemel ma’ familja ħbieb u żewġ tazzi daqshekk imbid, biss.” Għidtilha jien u nuriha l-qies tat-tazza bil-werrej u subajja l-kbir.

“Mmmm, mela mhux dak. Ħeqq dalgħodu?”

“U le tazza te’ u f’nofsinhar biċċa lażanja.”

“Mmmm, x’għamilt aktar?”

“Smajt lill-Prim fuq il-wan…”

“Dak żgur li le ruħi. Dak meta tisimgħu ferħ kbir tħoss. Umbgħad?”

“Ħeqq bħas-soltu qrajt il-gazzetti kollha…”

“Kollha?”

“Iva hux, parti minn xogħoli”

“Diġa qed naraha ġejja, jien, Ajtjen!”, qaltli Ċensina, hekk kif inġibdet kemm kemm lura fis-siġġu u serrħet darha ma’ daru. B’wiċċ imġebbed, imnieħer imkemmex u xuftejha marsusin, qishek meta xxomm xi ħaġa tinten, reġgħet, “Kollha?”

“Iva kollha, Ċens, kollha, KOLLHA!”

“U iva, bil-mod Ajtjen ħi, jien biex ngħinek ta!”, qaltli kemm kemm urtata Ċensina, għax kont għollejt kemxejn leħni. “U x’għamilt aktar?”

“Smajt it-telefonata li għamlu lil Sajmin fuq…”

“Appa!”, għajtet Ċensina, hi u tfaqqa’ l-pali t’idha ma xulxin. “Dik hi!”

“Dik hi x’hiex?”

“Dik il-kawża tal-fwawar, sturdamenti u ma nafx x’aktar għidt li qed tħoss, ruħi!”

Bqajt ċass inħares lejha. Għax tgħid, minn wara li rajt il-gazzetti u smajt il-wan oh! wan, bdejt inħossni hekk!

“Ara ħi. Għandek Sajminitis ej wan! Smajtux jagħmilha ta’ qorti sħiħa, persekutur, ġurija u mħallef in one? Smajtux jgħid li Kastilja bejta kriminali? Samjtux jgħid kontra l-awtoritajiet tal-pajjiż? Smajtux jibni każ fuq messaġġ personali? Qrajtx xi storja investigattiva, esklussiva, mġebbda iva, bbażata fuq l-arja? Qrajtx il-gazzetti indipendenti daqs kemm hija indipendenti Lola tal-Gżira minn… ara ħa nieqaf hawn għax Mulej ħniena, s-Sinjur żgur inixxifli lsieni!”

simoncristina

Komplejt niċċassa lejha, għalkemm bdejt niġi f’tiegħi mhux ħażin!

“Dak għad jibagħti l-qabar lili, Ajtjen. Missu jiġi b’twissija bħal ma hemm fuq il-pakketti tas-sigaretti x’kull waħda”.

Can seriously endanger your health.

“Nitħassar lill-Fearne jien, għax minkejja l-avvanz li qed jagħmel fis-saħħa, se jkollu jibni xi sptar ieħor għal dawk kollha li qed jomordu bis-Sajminitis, ruħi. Jew xi manikomju naħseb!”

simonbuz

Ċaqlaqt naqra rasi ‘l isfel biex inkompli magħha u biex nuriha li qed nismagħha.

“Ara vera tal-wiċċ tost e! Mela tagħhom kollox tajjeb u jaraw kif iduru mal-ħmieġ biex jaraw kif se jġibuħ ifuħ, mingħalihom, għax jaħsbu li għad hawn ċwieċ, u tal-Lejber kollox ħażin, kollox skandlu, kollox korruzzjoni, puuuu kemm ma niflaħx aktar marelli santa ħniena!”

Issa Ċensina kienet qed titbaqbaq mhux ħażin. Kienet qed tferfer idejha quddiem sidirha, sidirha kien tiela’ u nieżel man-nifs, saret ħamra nar bil-fawra li telgħetilha, u jkolli ngħid rajtha ftit storduta wkoll!

“Mela x’inhu. U xi jgħid Sajmin fuq Majkil? Dak mhux skandlu dak? Ara f’hiex kien ġabu Kunsill ta’ Birkirkara ta! Imma l-miżuri u l-għemejjel ta’ Sajmin differenti skont kif jaqbillu! U smajtu x’wiegħed dalgħodu? Big clean-up qalilna ħej! Messu jagħtina eżempju u jibda bi clean-up issa, forsi ma tafx kif nemmnuh! Charity begins at home kienet tgħidli ommi, Alla jaħfrilha u jagħtiha l-glorja tal-ġenna”.

Bdejt inħossni kalm, nisma’ l-Ċensina għaddejja qisha trenn tal-istim.

“Jew kontra l-proġetti kollha tal-gvern ta’ Joseph tagħna! Imma kif ma jsibx imqarr ħaġa waħda u jfaħħara, marelli santa! Kontra s-sawt kien, kontra s-sawt għadu u kontra s-sawt jibqa’ e! Ma jridniex sura lilna tan-naħa t’isfel. Dik li hi! Jew ġej jikteb fuq twinkle, twindle… xi tkun dik Ajtjen?”

“Twitter.”

“U iva tal-Merill mela! Twijter insomma. Ġej jikteb li vvota kontra l-Universita’ għax fuq art ow di żett! Imma kemm jiflaħ jaqa’… fejn ra l-ow di żett f’Bormla, bejn… bejn… bejn il-fliegu jew, ħa!”

Newwilt lil Ċensina t-tazza nofsha bil-luminata li kelli f’idi, li issa kienet saret qisha pipi tal-klieb. Dawwart il-fan fuqha u b’tissue (mhux użata ta!) li kelli fil-but imsaħtilha ftit qtar għaraq li beda nieżel ma’ moħħa. Bdejt nitħassarha.

Hekk kif għamilt hekk, Ċensina qamet minn fuq is-siġġu. “Għini ndaħħal il-fan u nidħol ‘l ġewwa ħa mmur nimtedd naqra għax mhux qed inħossni sew, Ajtjen!”

“Ċens…”

“E?”

“Tafx li jien għaddieli. Isma’ naħseb għandek naqra ħajta mhux ħażin ta’ Sajminitis ta!”

Ċensina tatni ħarsa minn dawk li jqabbduk il-bard. Kull ma qaltli kien, “Kiesaħ!”, hi u tfekren ‘l ġewwa biex tieħu naqra prekawzjonijiet kontra, iva, dik hi, s-Sajminitis li kellha fuqha bħalissa!

Apparti dan kollu. Inħoss li żgur li l-affarijiet mhux qed inkabbruhom aħna, meta mara, li nafha sew, mara eżemplari li jekk tisimgħek tgħid “Ħaqq”, ikollha kliem iebes għalik, tismagħha tgħid, “Imma kemm hu vili, madonna, x’wiċċ tost għandu!”

 

 

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

2 Comments

  1. Prosit ……niehu tassew gost naqra il blog kulurita tieghek…….thriller, comedy and More! Hekk sabiha il hajja…..take the micky outta serious situation.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend