Malti telaq mix-xogħol biex idur id-dinja | One News

Notifiki

Malti telaq mix-xogħol biex idur id-dinja

“Selfie” b’kukkudrill fl-isfond immarka l-233 ġurnata minn meta Klejofa Agius, Malti ta’ 30 sena min-Naxxar, imbarka fuq il-vjaġġ tiegħu madwar id-dinja.

Huwa telaq l-impjieg tiegħu biex iwettaq ħolma li kienet ilha tberren f’moħħu għal diversi snin.
Beda mill-Italja fl-Ewropa, u mexa għall-kontinent Ażjatiku, fejn fost l-oħrajn żar it-Tajlandna, il-Myanmar, Laos, il-Kambodja, il-Vjetnam u l-Indoneżja.

Uħud mill-pajjiżi qasamhom b’mutur, biex illum qiegħed l-Awstralja, fejn sab impjieg u qiegħed f’dik li tissejjaħ working holiday, biex hekk jagħmel biżżejjed flus biex ikun jista’ jkompli jdur pajjiżi oħra.
Għaddew kważi tmien xhur minn meta ħalla pajjiżna, u llum tella’ selfie fuq Facebook, b’kukkudril b’ħalqu miftuħ fl-isfond li ġibed l-attenzjoni ta’ mijiet ta’ persuni li qegħdin ħbieb ma’ Klejofa fuq dan is-sit soċjali.

“Konna crocodile tour fejn jeħduk fi xmara mimlija kukkudrilli. L-ikbar wieħed li rajna fih 1.5 ton u għandu ’l fuq minn 80 sena. Il-post huwa Darwin fl-Awstralja, Adelaide River fin-Northern Territory, li jsibuh iktar bħala Top End.”

In-natura fir-ritratti li jitfa’ Klejofa tħallik bla kliem. L-isbaħ xeni li qatt tista’ timmaġina, kien protagonist fihom hu.Però bħalma għandha s-sabiħ, għandha l-periklu. “L-iktar ħaġa li ħasditni meta kont fl-Indoneżja post jismu West Papua Raja Ampat, fejn in-natura u l-atmosfera taħt l-ilma hija impressjonanti. Imma kont snorkeling taħt il-bungalow li kelna fuq il-baħar u nara kelb il-baħar ma’ wiċċi kien fih iktar minn metru u nofs.”

U x’avventura jmiss f’din il-ħajja t’avventura għal dan il-Malti, li telaq minn pajjiżna b’one¬-way ticket, u ma jafx meta jerġa’ lura?

“Wara l-Awstralja għandi ħafna pjanijiet però fejn eżatt m’għandix idea! F’moħħi hemm Fiji u New Zealend… road trip żgur!”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend