Burkini, bikini u fobija mix-xtut | One News

Notifiki

Burkini, bikini u fobija mix-xtut

Is-sajf ta’ Malta mhux se jgħib għax tfaċċa Settembru. Ilkoll nafu kemm ilna għaddejin b’temp moderat, temperaturi għolja, sema ikħal u xemx tiddi. Dis-sena t-temperaturi tal-baħar f’dawn il-gżejjer jidhru li kienu l-ogħla fid-destinazzjonijiet favoriti Mediterranji li setgħu jiġu fihom in-Nordiċi Ewropej.

Il-vaganza tipika ta’ min ikollu jgħum bix-xita nieżla fuqu, bħal ngħidu aħna Brighton u Blackpool l-Ingilterra jew ix-xtut tan-Normandija fi Franza ta’ Fuq, hi li jfittex garanzija ta’ temp sħun fejn ma jridx jieħu l-umbrella u l-inċirata biex iqatta’ ftit siegħat fejn il-baħar. Malta dan toffrih bil-kbir. Ħafna turisti dis-sena fittxew ukoll – b’vantaġġi kbar għalina – x’imkien ‘il bogħod minn memorji ta’ attakki terroristiċi jew, biex inżiedu mal-problemi turistiċi, fejn ma jiddejqux b’xi kwistjoni legali ta’ multi fuq il-malja tal-għażla tiegħek. Din tal-aħħar kważi ġġiblek tbissima iżda mhix  ċajta, għall-anqas għall-Franċiżi tar-riviera li kull ilma qed jaħsbuh misħun.

Multa għax tilbes, oħra jekk tinża

Sintendi aħna mdorrijin neħlu multa jew twissija jekk tinża kollox. Sa fejn niftakar jien hawn Malta l-anqas ma jistgħu jgħumu sidirhom barra n-nisa (kif jagħmlu f’diversi xtajtiet fl-Ewropa). Dis-sena xi sindki fuq xtajtiet kbar Franċiżi, quddiemnett Cannes, fejn isir il-famuż festival tal-films biex tintrebaħ is-César (l-Oscar Ewropea),  tant iħossuhom mhedda minn Iżlam estrem li ħolqu multa għal dawk in-nisa Musulmani li ma jridux jinżgħu biex jgħumu.

Il-burkini (twaħħid tan-nomi: burka u bikini) ġiet ivventata għaxar snin ilu l-Awstralja meta Lebaniża fil-moda ħolqitha għan-neputija li kellha problema x’tilbes waqt l-isports. In-nisa Musulmani tradizzjonali fil-kult reliġjuż tagħhom iħossu li ma jistgħux jikxfu ġisimhom għajr għal wiċċhom (u mhux kollha), idejhom u saqajhom. Jinżgħu biss fil-privatezza ta’ darhom.

Meta jmorru jgħumu – u mhux daqstant spiss – jew jinżlu bil-ħwejjeg normali u jinxfu xħin jitilgħu, kif ġieli narawhom fix-xtut lokali jew – issa li qabdet dil-moda fl-Ewropa u  f’ċerti pajjiżi Għarab – jilbsu l-burkini. Din tgħattilhom rashom b’kappa li tgħatti wkoll l-għonq, is-sider sal-qadd u tkompli ma’ qalziet sal-għekiesi. Fil-biċċa l-kbira tkun fi tliet biċċiet, magħmula minn drapp li jirreżisti l-ilma, ġieli imlewwen jew iddisjinjat ħafif.

Rari jinżlu jgħumu bla ma jkun hemm  żewġhom qrib, għassa li ħadd minn ta’ madwaru ma jammira xi aspetti mill-figura ta’ martu. L-irġiel jilbsu malja f’għamla ta’ qalziet bermuda, sa fuq l-irkoppa. Biex jinbxuhom xi wħud qalu li r-raġel Musulman ħa jħares lejn in-nisa mperrċa Ewropej iżda tiegħu jaħbiha jrid.

Il-politka fuq ix-xatt

Nirringrazzjaw ‘l Alla aħna ħriġna mill-fobija (biżgħa) tal-morali dejqa. Fis-snin sittin it-two-piece u l-bikini, promossa minn Brigitte Bardot u sħabha tal-jet set fuq ir-riviera Franċiża, hawn Malta mhux biss kienet tabù iżda saħansitra vilifikata b’ċensura stretta anki fuq ġurnali barranin, li kienu jaslu hawn u jispiċċaw biż-żebgħa sewda fuqhom jew maqtugħin. Fl-1964 kont noħroġ l-ewwel ġurnal għaż-żgħażagħ bl-isem Malteen meta kont għadni student il-Liċeo – l-istamperija ta’ Muscat, il-Belt kienet imxiet fuq parir ta’ xi moralista u  ċappsitli blokka inka sewda fuq żaqq l-attriċi Kim Novak għax stampajt ritratt taċ-ċinema li fih kellha  ż-żokra tidher! Dak iż-żmien Franza kienu laħqu avvanzaw waħda sew fuqna!

Illum il-Musulmani nisa qed isibu ftit ħelsien billi jinżlu jgħumu mgħottijin kważi totalment f’postijiet pubbliċi. Issa hawn daħlet il-politka. Il-Belġju pereżempju xi sjuf ilu ddeċidew li l-irġiel (in-nisa ma kienux għad imorru) li jżuru pixxini ma jistgħux jgħumu bil-bermuda għax iġorru l-mikrobi fl-ilma. Dawn kellhom imorru fil-beraħ tax-xtut. Issa Franza das-sajf inħolqot multa ta’ €38 għal kull min ma jilbesx malja normali bħal tal-Punent. L-argumenti mhumiex għal kollox infondati. Is-sindki, u warajhom il-Prim Ministru, jgħidu li dal-użanzi oriġinati minn reliġjon li qed tattakka pajjiżhom ma jgħinu xejn biex il-Musulmani fi Franza jintegraw mal-bqija tal-popolazzjoni. Qalu wkoll li bħalma l-pajjiż jaċċetta din l-użanza, fi ftit  żmien jitfaċċaw drawwiet oħra u jippretendu li għandhom jiġu tolerati wkoll.

Aktar minn hekk ftit jiem ilu ntqal li f’każ ta’ salvataġġ (bħal f’xi għarqa) diffiċli tgħin persuna b’ħafna ħwejjeg fuqha biex ġġibha lura x-xatt. Min-naħa l-oħra d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa qed jgħidu li Franza pajjiż liberu u kulħadd għandu jagħmel li jidhirlu.  Meta staqsejt sorsi polizjeski qaluli li Malta sakemm jidher wiċċhom m’għandhiex tkun problema.

Dil-kwistjoni qanqlet kontroversja kbira. Miljunarju Franċiż Musulman qed iħallas kull multa li qed jeħlu dal-Musulmani nisa; s’issa ga ħallas mal-mitejn elf ewro. Hu jifhem li mhux għaqli li tintuża l-burkini għax b’hekk l-erba’ miljun Musulmani mill-Afrika ta’ Fuq li hemm fil-pajjiż qatt mhu se jintegraw. Madankollu jħoss li l-mara hi libera tilbes jew tinża kif trid. Il-gvern ta’ Hollande b’elezzjoni s-sena d-dieħla jħoss li kull belt tiddeċiedi hi; Sarkozy biex jirbaħ vantaġġ fuqu stqarr li jekk jitla’ hu jgħaddi ligi nazzjonali biex il-burkini tkun illegali. Għaliex sal-lum Franza, illegali biss tilbes il-burka li tgħattik minn rasek sa saqajk b’żewġt ixquq għal għajnejk; f’dal-każ  teħel €150!

Turisti li ma jersqux lejn xatt il-baħar

La ninsabu fuq ix-xtut ta’ min jgħid li għalkemm dal-gżejjer tagħna magħrufa li jiġbdu ħafna turisti biex jiġu jixxemxu u jgħumu, studju li sar l-Ingilterra minn sunshine.co.uk juri li l-Ingliżi li jfittxu vaganza għall-baħar mhux kollha jżuru xatt il-baħar. Il-figuri li ħarġu jgħidulna li 61 fil-mija li marru f’pajjiż għal vaganza tas-sajf matul is-sena li għaddiet ma resqux lejn il-baħar. Dawn kienu r-raġunijiet li ngħataw:

44%     jippreferu joqogħdu fejn il-pixxina tal-lukanda

23%     jobogħdu r-ramel

17%     ma jixtiequx li jdejjquhom il-bejjiegħa f’xatt il-baħar

10%     jħossu li x-xatt mhemmx privatezza

4%       jibżgħu jgħumu

Ma nafx min-naħa tagħna l-awtoritajiet tat-turiżmu lokali qattx taw każ ta’ dan l-istudju u kemm dal-figuri jgħoddu għat-turisti li jiġu fostna. Veru li Malta għandha bosta attrazzjonijiet oħra – storiċi qabel kollox – imma l-abitudni u l-attitudni tat-turisti Brittaniċi f’dan is-sondaġġ tista’ tindika l-pubbliċità li nagħmlu barra l-pajjiż kif ukoll tgħin tirrispetta l-bżonnijiet ta’ dil-maġġoranza ta’ turisti li jiġu mir-Renju Unit. Dan jidher li ġa jinħass minn xi aġenti barranin. Ix-xtajtiet tagħna huma ftit żgħar u allura ġa ffulati fis-sajf; min jirriklama għat-turiżmu fix-xhur tal-ħarifa – meta t-temp jibqa’ tajjeb għall-baħar – spiss jgħid li jekk tagħżel tmur Malta wara Awissu ssib ix-xtajtiet, li soltu jkunu ippakkjati (jam-packed), kważi għalik biss.

BURKINI

Ritratt tal-ġimgħa juri l-burkini u l-bikini f’xatt il-baħar das-sajf.

F’ras il-blog xatt iffulat bil-Maltin u t-turisti. 61% tal-Ingliżi li jżuru destinazzjoni tal-baħar ma jmorrux jgħumu fix-xtut.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend