Letarġija bħal ta' San Xmun Stokk | One News

Notifiki

Letarġija bħal ta’ San Xmun Stokk

Ħasra li mhux dejjem inħaddmu ilsienna bl-idjomi tiegħu – fejn insibu varjetà tassew sabiħa, kif juri t-titlu  – biex nesprimu  ħsibijietna jew fehmtna. Meta tqies li Malta għandna tmien gazzetti nħar ta’ Ħadd u erbgħa kuljum, li aktar minn nofshom huma bil-Malti, tippretendi li spiss taqra kitbiet ftit iżjed mirquma. Tassew li tibqa’ kitba ġurnalistika u għalhekk maħduma b’ċerta għaġġla, iżda l-istess ġeneru ta’ dil-kitba, barra sintendi l-qawwa tal-aħbar innifisha, jiġbed iżjed b’żewġ ingredjenti oħra importanti: l-istil u r-riċerka tal-fatti.

Fit-tnejn ninsabu kemmxejn għajjenin – nużaw wisq binja b’diskors li jiġi f’ħalqna meta nitkellmu b’riflessjoni limitata u riċerka ftit li xejn. Din tal-aħħar tweġġagħni wisq. Il-ġurnalisti Maltin, bir-rispett kollu, malli jkollhom storja f’idejhom rari jħarsu lura u jaqilgħu parallelli li nsibu mill-imgħoddi. Jaslu sa xi ftit snin ilu u jieqfu  hemm. Probabbli problema ta’ risorsi fejn bosta organizazzjonijiet tal-media ma jifilħux l-ispejjeż – suq  żgħir wisq. Għandna wkoll problema ta’ għarfien limitat tal-istorja tagħna fejn b’xorti  ħażina nsibu ftit  ħin wisq għaliha fl-edukazzjoni u fuq ix-xandir, għajr b’mod qajla riċerkat bis-serjetà, jekk mhux ukoll dilettantesk. Filwaqt li kull aħbar – jew kumment fuq ħwejjeġ kurrenti – ikun fiha l-valur tagħha, kitbiet oħra minn osservaturi jew opinjonisti, għandhom aktar ħin biex jirrevedu x-xogħol li jissottomettu għall-istampa jew publikazzjoni elettronika. U għalhekk minn dawn il-kontributuri – ukoll bil-Malti – nistenna ftit aħjar.

Ibni, ibni

Bi ħlieqa nħobb ngħid li aħna l-Maltin ossessjonati bil-bini. Meta l-ewwel missier li rifes artna b’ilsienna fuq fommu sejjaħ lil ibnu “ibni”, dan tal-aħħar milli jidher fehmu li qallu biex jibni u għalhekk dal-amar baqa’ jintiret mill-missier għall-iben għal ġenerazzjonijiet sħaħ u mhemmx li jehda.

“Ibni, ibni!” Il-fatt li l-istess kelma tfisser ‘l-iben tiegħi’ u ‘ibni darek’ pereżempju, mhix tgħin biex nieħdu nifs, nieqfu naqra u naraw x’nafu nagħmlu iżjed b’dawk l-eluf ta’ appartamenti, djar u binjiet vojta qabel inkomplu nibnu bla ħtieġa.

Jien wieħed minn dawk li ma naqbilx li nibqgħu nżiedu l-bini għal kull ħajra ta’ xejn. Tassew li dil-industrija tħaddem in-nies – għalkemm mhux l-aktar industrija li tagħmel dan – imma jeżisti limitu ta’ kollox. Il-prezzijiet tad-djar u l-kirjiet mhux baxx u bilkemm jintlaħaq minn bniedem komuni jekk mhux b’sagrifiċċji kbar. Aħna fost il-pajjiżi Ewropej li  hawn l-aktar propjetarji tar-residenza tagħna. Tagħmlilna ġieħ iżda ‘l-ġebla’ kif inħobbu ngħidu, waqt li sservi ta’ investiment, moħħ mistrieħ, kważi sold taħt rasek u fl-aħħarnett wirt għaqli għal uliedna, mhux l-unika priorità fil-ħajja. Meta konna tfal fis-snin ħamsin kont għadek tara si loca, sas-snin sebgħin kont għadek tħallas rigal u tikri fejn tilmaħ ‘to let’. Illum tikri jfisser mijiet, eluf fix-xahar u għalhekk saret faċilità ristretta biss għall-ħaddiema barranin b’pagi tajba jew residenti barranin għonja.

Ġirja għall-bini mis-snin 70

Fis-snin sebgħin li tixtri jew imissek biċċa art tal-gvern taħt skemi soċjali li daħħal Mintoff fl-istess żmien li t-turiżmu kien qed jissoda u jiġbed il-barranin biex jixtru post, inkoraġġiet iżjed din il-girja lejn il-bini. Il-kostruzzjoni mhux biss toħloq impiegi, tista’ toħnoq ukoll l-ambjent, tista’ tkabbar l-istress urbaniku kemm bit-traffiku kif ukoll bit-tniġġiż.

Narah vizzju ikreh li rridu nkomplu nifgaw l-arja ta’ dawk li ġa jgħixu f’ambjent urbaniku (u nistmawhom ta’ ċittadini tat-tieni klassi) meta rkejjen ġa mibnija ta’ Malta li jippermettu  żvilupp ta’ binjiet ta’ ċertu għoli kummerċjali jibqgħu jistennew min jidħol fihom.

Xi drabi naraha  ħniżrija ta’ spekulaturi arroganti li jippretendu ritorn fuq l-investiment tagħhom minnufih u immedjat, bla rispett lejn ħaddieħor u lejn riskji esaġerati ta’ flus il-poplu (kulħadd jiftakar kriżijiet ekonomiċi kawżati minn self fuq propjetà). U  hawn fejn jonqosna mhux l-idjoma imma r-riċerka.

Siġar għad-dell u dagħa fid-dlam

Jekk inħarsu lejn żmien il-Kavallieri, meta allura Malta bdiet tesperjenza l-bini bis-serjetà għall-ewwel darba – palazzi u knejjes kif ukoll irqajja urbaniċi – nintebħu li kien hemm pjan maħsub fit-tul u b’rispett lejn bilanċ man-natura. Ma kienx  hemm il-kuxjenza tal-ambjent li hawn illum – kienu jiżirgħu ħafna siġar mhux biss biex iħaddru u joħolqu lok għall-mistrieħ imdellel u għall-passatemp tal-kaċċa iżda wkoll għall-għata mix-xemx fit-toroq, l-aktar meta tivvjaġġa bil-mixi, biż-żiemel jew karozzella. Eżempju ta’ dan kienet it-triq li mill-Belt u l-Bombi tieħu għar-Rabat imma wkoll San Anton, tal-Pietà, il-Buskett, il-Barrakki tal-Belt u xi darba anki San Ġiljan. Il-binjiet tassew li kkonċentraw fil-Kottonera u l-Belt fuq l-Għolja Xiberras iżda wkoll Raħal Ġdid u diversi rħula qrib ix-xtut li twennsu bid-difiża li bdew jagħtu l-Kavallieri kontra l-furbani permezz ta’ torrijiet li jwissu kontra attakki minn xi xwini tal-għadu.

Fl-għaġġla tagħna hawn erġajna qed nonqsu mir-riċerka. Ir-riċerka mhux dejjem tmur lura.  Hemm riċerka li toħroġ minn analiżi serja ta’ sitwazzjoni li titlobna nkunu kawti, għassa ma mmorrux naqbżu fid-dlam. Kif jgħid il-Malti; meta ma tkunx qed tara fil-bogħod tkun qiesek timraħ fi dlam ċappa. U fid-dlam ċappa, idjoma oħra Maltija, l-anqas tidgħi ma tara! Ħelwa din l-idjoma: naħseb tant kienu jridu jżejnu anki d-dagħa li allura kellhom bżonn id-dawl, tal-anqas metaforikament!

Qaddis padrun tal-bini għoli

U  hawn niġu għal-letarġija bħal ta’ San Xmun Stokk, li malajr kemm jista’ jkun għandu jiġi dikjarat il-qaddis padrun ta’ dal-imbierek bini għoli. Tiftakru li dal-qaddis kien tela’ fuq kolonna u baqa jgħix hemm is-snin. Fil-ġabra tiegħu tal-idjomi Maltin Karm Fenech mhux biss jgħidilna li dal-famuż qaddis l-anqas biss ried jinżel biex jiekol minn fuq il-kolonna tiegħu, talli saħansitra l-Maltin bdew ixebbhuh ma’ min ma ried jagħmel xejn. F’dal-pajjiż inbatu bl-ikreh bil-letarġija jiġifieri nuqqas ta’ ħeġġa biex nitħarrku, aktar u aktar fis-sajf.  Hemm ftit raġuni. Ninsabu qrib sew tal-ikbar deżert fid-dinja fil-Libja, x’tippretendi!

Imma mbagħad nimtlew bl-enerġija fejn inxommu li nistgħu nagħmlu l-flus malajr, ukoll għad-detriment ta’ ħaddieħor jew għax inħossu li għandna ‘ħtieġa falza’ (false needs), ineżistenti, li forsi naħsbu tagħmilna moderni. Qiesek qed tixtri karozza kbira li taħli meta karozza żgħira għal Malta hi deċiżjoni ferm aktar għaqlija.

Li ġġiebni għall-‘valur’ fl-għeruq ta’ bosta problemi: il-flus spiss nitfixkluhom max-xjenza tal-ekonomija. Jien nikkontendi li l-ħakkiema barranin u lokali Maltin tal-imgħoddi, l-akbar valur li tawna kien tal-flus: il-kavallieri ġabu prosperità kbira (splużjoni tal-popolazzjoni) bis-serq tal-korso u s-suq tal-ilsiera Musulmani filwaqt li l-Ingliżi daħħlu l-kummerċ tal-ftit li qdew il-bżonnijiet tas-servizzi bl-eluf ta’ baħrin ġejjin u sejrin. Il-Knisja tal-imgħoddi wkoll stagħniet bil-propjetà li tħalliet biex l-għonja mingħalihom inaqqsu iż-żmien ta’ piena fil-purgatorju ħa jpattu għal dnubiethom fl-esplojtazzjoni tal-fqir. Imma l-flus suġġett interessanti ieħor u għalhekk insibu okkażżjoni darb’oħra.

Tassew li bl-Ingliż ngħidu jekk għandek kejk kulu llum, tħallihx għal għada iżda ħażin ukoll min jaħseb li għada qatt ma jasal u xi darba għad irid jispiċċa jaħsad dak li żera’.

Ritratt tal-ġimgħa: letarġija fix-xogħol. Ir-ritratt, qrib sieq is-sinjura fuq ix-xellug timbotta l-pushchair jidher qiesu tripiet b’erba’ saqajn bil-ponot koroh ferm f’livell tal-pexxun tal-adulti u agħar f’każ ta’ tfal. Ilu hemm ġimgħa sħiħa – kif il-ħaddiema ma poġġewx ilqugħ bi twissija? X’apatija din li twassal lil min iweġġa’ hekk, għalxejn b’xejn?

PERIKLU

F’ras il-blog: it-Triq Nazzjonali li mill-Bombi tieħu ghar-Rabat, isbaħ issa wara li tneħħew il-kartelluni kbar li kien hemm. Tfakkarna kemm il-kavallieri bnew bi pjan li ma jinsewx in-natura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend