Positive. Umbagħad hemm Sajmin. – One News

Notifiki

Positive. Umbagħad hemm Sajmin.

Positive ħi!”

Jien, Manwel u l-bqija tal-kju li konna għand Peppi, ħarisna ‘l barra. Issa bid-dawl kontrina, ma stajniex naraw sew il-wiċċ, imma ħarsa waħda u jien u Manwel tajna daqqa t’għajn lil xulxin. Mill-forma tagħha w minn leħinha, kienet hi. Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel.

Hemm timblokka l-bieb kien hemm il-forma tagħha. Qisha l-vara ta’ Santa Marija, b’idejha waħda mtella’ ‘l fuq kemm kemm iktar għolja minn rasha u l-oħra mtella’ wkoll imma kemm kemm aktar ‘l isfel. Forma ta’ Ċensina qisha ħierġa minn ġo dija ta’ dawl abjad.

Jien u Manwel raddejna s-salib f’qalbna. Positive. Ma jistax ikun! Jaqaw Ċensina ħabtet rasha mal-kantuniera tal-komodina, hi u titqalleb fuq is-sodda dal-lejl, jew? Bħal ma donnhom ħabtu rashom xi wħud, li inthom għeżież qarrejja, tafuhom sew? U li jiffurmaw dik li suppost hija l-oppożizzjoni kostruttiva u possibilment, imma remotament, il-gvern ta’ għada?

Hi u dieħla mill-bieb tal-ħanut, id-dija li kellha mdawwra magħha, li ma kienet xejn għajr id-dawl dieħel mit-triq ta’ barra għad-dlam tal-ħanut, bdiet tbatti u wiċċha beda jieħu sura ta’ Ċensina kif konna nafuha aħna, issa b’idejha t-tnejn jistrieħu marbutin taħt l-abbundanza ta’ sidirha.

Baqgħet dieħla sal-kawnter fejn kien hemm siġġu vojt, li Peppi kien iħalli għall-klijenti li ma kienux jifilħu joqgħodu bil-wieqfa fil-kju.

Ċensina poġġiet bil-qiegħda wara li stirat id-dublett taħt patatta, li kienet fl-abbundanza wkoll. Imma hi u nieżla, reġgħet, “Positive ħi!”

Manwel, ta’ lsien niggieżi li kien, ma felaħx.

“Għamilt it-test tat-tqala, Ċens?”

Hekk le ħija! Ċensina baxxiet par għajnejn stalletti. Qarrset xuftejha miżbugħa ħomor ħomor u mingħajr ma xuftejha tbiegħdu minn xulxin, smajna xi ħaġa hekk: “Meta tkun positive għall-ħlewwa ta’ lsienek, inkun positive jien għat-tqala, buffu”.

Fil-ħanut issa kien hemm silenzju taqtgħu b’sikkina. Ħanut kemm kemm mudlam, raġġ ta’ xemx dieħel minn tieqa naqra fil-għoli jaqa’ fuq parti minn vetrina kollha pakketti tas-sneks. Kemm Peppi u wkoll il-kju ta’ quddiemi kienu skantati lejn ix-xena tiżvolġi quddiemhom, qishom manikini f’vetrina ta’ ħanut tal-ħwejjeġ. Peppi b’kaxxa bajda f’id waħda u b’pasta kollha krema u frott imqatta’ f’idu l-oħra, mezz’arja. Anki l-verdun li Peppi kellu f’ċella ta’ gaġġa, ħames pulzieri b’disa’, donnu kien waqaf fuq il-passiġġera bil-kemm jitħarrek, b’rasu tmiegħel lejn spaltu x-xelluġija. Manwel ħass li kellu jikser din ix-xena li kienet qisha buzzett ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio (Milan, 28 September 1571 – Porto Ercole, 18 July 1610).

“U ejja Ċens, niċċajta kont qiegħed ta!”

“Għamilli grandissmu pjaċir u miegħi tiċċajtax gustuż!”

Ċensina daret fuq Peppi tal-ħanut. “Pepp, ara ma jqabbiżni ħadd”. Kif tat dan il-warning, daret fuqi, hekk kif Peppi kompla jaqdi n-nies, “Taf għal x’hiex qed ngħid hux int, Ajtjen?”

God be with me now and forever, Amen! Jesus Christ have mercy on me! Dejjem jien marelli santa ħniena rrid ngħaddi minn dan it-test? Imma għaliex twelidt taħt stilla daqshekk ħażina? X’inhu l-iskop li qed ngħix? Imma għalfejn qed inbagħti din it-tbagħtija kollha f’dan il-wied tad-dmugħ għid? X’il-marelli…

“Int jaqaw issajminjajt jew?” (Bi skuża lejn l-Akkademja tal-Malti. Din hija kelma ġdida li daqt tindara u għahekk tibda tintuża mill-istudenti fl-eżamijiet u tidħol fil-vokabularju Malti. Tissajminja = tiċċassa w tlaqlaq meta ma tkunx taf x’se taqbad tgħid).

Positive ruħi. L-ekonomija ta’ Malta taħt il-gvern ta’ Joseph tagħna. Minn negative taħt il-partit li kellu lil Sajmin bħala konslent, qalbet stabbli u issa positive. X’ma jindannawx aktar dal-qatta’ ipokriti! X’ma jivvintawx stejjer! X’ma jippruvawx jagħtu gambetti kemm f’pajjiżna u wkoll barra minn pajjiżna, ja tradituri li huma! Hekk kienu minn dejjem u ma jfiequx ta! Il-mediċina tagħhom biss out of stock għal dejjem. Dik hi n-natura tagħhom”

“Eeeee l-ekonomija, Ċens!”, weġibt fjakk fjakk jien.

“Eeeee l-ekonomija, Ċens!”, irrepetiet imqanżaħ imqanżaħ Ċensina, hi u tferfer idha l-leminija lejn wiċċi, b’ħames dwiefer sofor lellux bi tbajja’ kannella daqs ta’ ras ta’ sulfarina, filwaqt li kompliet, “Ara vera għax nafek ta! Għax kieku ma nafekx, kieku naqtek Nazzjonalist jgħix fis-sħab bil-qiegħda għal għomru fuq suppożitorju! X’kull waħda wkoll. U jekk hawn xi ħadd fil-ħanut qed jitkaża għax qed nitkellem hekk, meta jmur lejn daru, jingħalaq fit-tall boy ta! Fariżej!”

Pass pass bdejt riesaq lejn il-counter, b’Ċensina dejjem naraha aktar mill-viċin. Quddiemi kien fadal Manwel u xi tnejn oħra. Waħda minnhom żgur li kienet ta’ Sajmin, jew ta’ Beppe, jew ta’ Marju d-Demark. Għax minn mindu daħlet Ċensina fl-ħanut, la qalet kelma u  lanqas tħarket. Marsusa qisha b’kaxxa tal-ħruq tal-butter beans (bil-Malti: fażola bajda) f’imsarina kienet u marsusa qisha b’kaxxa tal-ħruq tal-butter beans (mill-ġdid, bil-Malti: fażola bajda) f’imsarina baqgħet. Ċensina li ma jaħrabilha xejn, kienet diġa mmarkata lil din it-talija. U issa kif kienet kważi ma’ wiċċa, qamet minn fuq is-siġġu, straħet mal-kawnter mimli pasti, kaloriji, gatojiet, kremi u qassatelli w reġgħet fetħitlu.

“Għax tgħid, ara kemm idaħħak, imma qal waħda tajba l-akbar politiku li qatt rat Malta!” Issa hi u tħanġar, Ċensina kienet qed tħares lejn kulħadd imma kliemha kienu għal Mrs Butter Beans. “L-Onorevolissimu Azzopardi fl-aħħar skopra li minn dawk ta’ madwaru, l-kelb biss għandu karattru, kompassjoni, lealtá u onestá, għax hekk kiteb fuq fejsbuk. Issa dan imdawwar bi sħabu jkun, b’Sajmin Bejlawts u Beppe swimming pools maġenbu!”

Kif qalet dan Ċensina faqqgħet daħka li dwiet mal-ħanut. Manwel li kien quddiemi dawwar rasu b’daħka mċarta fuq fommu. Ħeqq ngħiduha kif inhi, jien tbissimt ukoll. Ħlief Mrs Butter Beans, li aktar għamlitha ovvja li assolutament ma kienetx qed taqbel with our darling Ċensina!

“U jien ma nafx ta, nixtieq inkun f’toqba nara l-valv tal-pressjoni tal-povru Sajmin. Ma naħsibx li qed jieħu ġost b’dak li kitbulu Mercieca, Grima, Bartolo u issa Ray Bugeja! Issa dawn żġur mhux imqabbda mil-Lejber biex jikkritikawh! Qed jagħmlulu pressjoni biex joħroġ mill-kindergarten tal-politika w jipprova, if he can, javvanza għall-politika tal-kbar. Miksin Sajmin. Aħjar baqa’ l-Ewropa għalihom hux! Imma aħna nħobbuh ta!”

Mrs Butter Beans kienet isserviet. Hi u ddur minn mal-kawnter b’baskett tal-plastik mgħobbi f’idha, daret fuq Ċensina u b’aċċent Maltenglish imkisser għall-aħħar ażżardat, “I down’t know haw pipil injoranti lajk yu still exist!”

Ajma ħej, x’ġej! Li kieku dak il-ħin faqqgħet l-aħħar tad-dinja, b’tsunami, maltemp u xita tan-nar, ma kienx ikun xenarju aktar tal-biża’ mix-xenarju kif inbidel fil-ħanut.

Mrs Butter Beans baqgħet ħierġa ‘l barra b’Ċensina tfekren ma’ għarqubha. Minn ġewwa stajna nisimgħu l-ħasla li kienet qed taqla’, bil-volum ta’ leħen Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel, iżid aktar ma l-mara falza kienet qed titbiegħed.

“… u ħodor lejna għax dak li m’għamiltux f’ħamsa u għoxrin sena, qed jagħmlu Joseph tagħna issa, positive, Positive, POSITIVE!”

Manwel dawwar rasu lejn Peppi. “Għamilli waħda ta’ Sajmin, Pepp”.

Peppi baqa’ jħares lejh, sakemm Manwel, forsi għax beda jisma’ lin-nies fil-kju warajna jzekzku, biex ifittxu jinqdew, qalagħha. “Qassatella Siciliana”.

Pespistlu f’widnejh, “Għamilli l-one plus one fuq din Manwel!”

Manwel pespisli lura, “Ma nibgħatekx għand Micallef bil-‘k’ tal-Mument biex jinvestigalek din, għax jeħodlok tlett xhur biex jasal għal konklużjoni li wara kollox tkun konklużjoni thake, emm… fake. Qassatella Siciliana … ħelwa minn ġewwa, b’kisja ħadra minn barra. Issa qabbel int!”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend