Kollox taħt il-pont | One News

Notifiki

Kollox taħt il-pont

Faċli tindunaw fuq min se ngħid kelma, mhux biss għax meta ssemmi pont dejjem tiftakar f’ta’ Fenech Adami, iżda għax bħal ma ġara fil-każ tal-Ganga, kollox qed jitwaddab taħt il-pont (jew taħt it-tapit) fil-konfront ta’ Michael Fenech Adami.

Kulħadd jaf bis-saħħa tad-dinastija Fenech Adami fil-Partit Nazzjonalista. Din id-dinastija llum tiġbed l-ispag ta’ Simon Busuttil biex jimxi ‘il quddiem jew lura, fuq ix-xellug jew il-lemin jew la ġenba. Irid ngħid pero li fil-maġġoranza tad-drabi dejjem qed jimxi bir-reverse u dan qed jarah il-poplu kollu.

Michael Fenech Adami diġa kien ipprivileġġat qabel ma ħareġ ir-rapport li kkundana l-ħidma tiegħu fil-Kunsill ta’ B’Kara. Filwaqt li żarmaw l-istamperija u magħha żarmaw kważi l-ħaddiema kollha tal-Partit Nazzjonalista, lil Michael Fenech Adami sabulu xogħol fil-PN “ta’ Busuttil”, m’għandiex xi ngħidu ħuħ Beppe ta tefa’ żgħira biex jgħin fil-quddiesa.

Fuq din biss lil Simon Busuttil diġa’ ġabuh ta’ pupazz. Fl-istess ħin li jkeċċi lill-ħaddiema u bil-wiċċ kollu jattakka lill-Gvern bin-nepotiżmu, imma mbagħad ir-right hand man tiegħu jdaħħal lil ħuħ. X’ipokrezija, ipokrezija man-nies tiegħu stess aħseb u ara mal-kumplament!

Mela dan ir-rapport mill-Bord ta’ Governanza jsemmi bl-aktar mod ċar irregolaritajiet kbar li wettaq Michael Fenech Adami fil-Kunsill Lokali ta’ B’Kara kemm dam bħala Sindku, fejn kien jiddeċiedi kuntratti li fihom kien hemm involuti eluf ta’ ewro, waħdu. Il-Bord jindika bl-aktar mod ċar u mingħajr tlaqliq ta’ xejn abbuż sfaċċat ta’ poter.

Dan ir-rapport li huwa wieħed dettaljat li daħal każ każ, il-bord irrakkomdanda lid-Direttur tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jieħdu dawk il-miżuri li l-opinjoni tiegħu huma xierqa fil-konfront ta’ Michael Fenech Adami u l-eks Segretarju Eżekutiv tal-Kunsill Lokali li fi żmienhom seħħew l-irregolaritajiet inkwistjoni.
Għal dan kollu x’kienet ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni? Kieku mexa skont kif jitkellem, illum qiegħed għal festa ta’ B’Kara bħala bniedem li m’għandux xogħol, iżda minflok, ħareġ jiddefendih. U zgur li jiddefendih, inkella Beppe ma jibqax jagħtih aktar pariri li qed ikomplu jitfgħuh dejjem aktar f’kantuniera.

Ilbieraħ imma Busuttil għamel pass oltre minn hekk u minflok iddefenda lil Michael Fenech Adami biss, ħareġ jattakka, bħal ma drajna naraw f’kull ħaġa li ma tiġiex kif ikun iridha hu, lil Bord ta’ Governanza li ftit taż-żmien ilu tant uża meta saru rapporti fil-konfront ta’ Sindki Laburisti.

Imma għal Simon jekk fil-mument ma xxejjeriex il-bandiera tiegħu, jaqtak kompletament. Ħares lejn Martin Scicluna. Fiż-żmien l-aħħar kampanja tgħidx kemm ikkwotah meta kkritika lill-Gvern, iżda kif ħareġ jitkellem fuq l-AUM, prova jgħaddi minn fuqu. Għamel l-istess bil-Qorti, l-Awtorità tax-Xandir, Pulizija, Avukat Ġenerali, Armata u naħseb anke l-Kummissjoni Elettorali kienet laqtitha. Jekk ma ndoqqx id-diska tiegħu taqlaha.

Michael Fenech Adami u tal-Ganga għalhekk ma jaqlawiex, għax dawk idoqqu d-diska ta’ Beppe, hawn ridt ngħid ta’ Simon. Triple standards, għax anke ma’ niesu ma jimxix ma’ kulħadd bl-istess mod.
Michael Fenech Adami, ħuħ u Simon jistgħu jippruvaw jitmejjlu bil-poplu issa, imma l-poplu qed inizzel kollox fuq kont li ser jibgħatulhom fl-elezzjoni li ġejja.

Mhux ta’ b’xejn li Ivan Bartolo li kważi sena ilu fil-festi tal-Indipendenza li organizza l-PN fil-Belt tgħidx kemm faħħar il-Kap tal-Oppożizzjoni, illum ħareġ jgħid li qata’ qalbu minn Simon. Lil Busuttil qas ħdax –il xahar ma jissaportuh.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend