Imħabbar il-programm ta' Spazju Kreattiv | One News

Notifiki

Imħabbar il-programm ta’ Spazju Kreattiv

Fil-Kavallier ta’ San Ġakbu ġie imħabbar il-programm ta’ Spazju Kreattiv għal bejn Settembru li ġej u Lulju tas-sena d-dieħla.

Se jkunu għaxar xhur li fihom se nkomplu naraw prestazzjonijiet multi-dixxiplinarji, kunċerti mużikali u wirjiet tal-arti li se jkomplu jixprunaw il-kreattività artistika f’pajjiżna.

F’dawn l-aħħar xhur spikka l-interess ta’ bosta li ressqu s-sottomissjonijiet tagħhom sabiex ikunu parti minn Spazju Kreattiv. Mill-applikazzjonijiet kollha ntgħażlu sittin proġett li jkopru mal-ħmistax-il forma t’espressjoni artisitika differenti.

Barra minn hekk, din is-sena wkoll mistennija tingħata importanza kif jixraq lil wirt artistiku u kulturali tal-aħħar seklu li għadda.

Ma jistax jonqos li spettakli li daħlu sew fil-kalendarju, bħal Żigużajg, il-festival internazzjonali tal-arti għat-tfal u l-festival internazzjonali tal-arti viżwali, jerġgħu jkunu parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv.

Iżda mhux biss. Għall-programm li jmiss, hemm ukoll iċ-ċinema ta’ Spazju Kreattiv fil-Kavallier ta’ San Ġakbu li se toffri selezzjoni aktar wiesgħa ta’ films, fosthom dawk Maltin u trasmissjonijiet diretti ta’ produzzjonijiet internazzjonali mit-teatru Metropolitan ta’ New York fost l-oħrajn.

Għall-produzzjonijiet taċ-ċinema se titħaddem sistema ta’ karta tas-sħubija u l-ewwel mija u ħamsin se jirċievu din il-karta b’xejn. Għalhekk permezz ta’ din is-sistema dawk interessati jibbenefikaw minn roħs fil-prezz ta’ bijetti għal numru ta’ wirjiet speċjali.

Tkellimna mad-direttur artistiku Toni Sant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend