Fil-pastorali tal-Isqfijiet: Il-morning after pill u l-ewtanasja mat-terroriżmu – One News

Notifiki

Fil-pastorali tal-Isqfijiet: Il-morning after pill u l-ewtanasja mat-terroriżmu

It-terroriżmu, il-morning after pill u l-ewtanasja sabu posthom f’pastorali li l-isqfijiet ħarġu fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija.
Bdew bit-terroriżmu u ddeskrivew l-atti terroristiċi bħala “atti krudili kontra l-ħajja li jkexkxuna”. Minn hemm għaddew għal temi oħra u kitbu: “Mal-ewwel daqqa t’għajn jista’ jkun hawn min jaħseb li ma hemmx rabta bejn dawn l-affarijiet kollha. Il-Papa iżda jemfasizza li hemm rabta.”
Filwaqt li qalu li l-ħajja rridu nipproteġuha dejjem qalu li f’pajjiżna tqanqlu żewġ kwistjonijiet partikolari li jistgħu jheddu l-ħajja fil-bidu tagħha. Irreferew l-ewwel għal kif il-ħajja tal-bniedem tista’ tiġi mhedda meta jittieħdu mediċini bl-iskop li l-ħajja li tkun tnisslet fl-omm ma’ tkomplix tiżviluppa, anzi tinqered.
Biex hekk il-pastorali tieħu konklużjoni ċara kontra dak li qalu diversi esperti li l-morning after pill mhijiex abortiva. Żiedu li jekk hemm xi dubju xjentifiku dan għandu jmur favur il-ħajja.
Kitbu wkoll dwar l-ewtanasja. Hawn ukoll dikjarazzjoni ċara: “Nemmnu li l-valur tal-ħajja umana ma jiddependix minn kemm persuna hija b’saħħitha jew sodisfatta bil-ħajja tagħha,” kitbu l-isqfijiet. Qalu li kull persuna għandha dritt tingħata l-kura u l-soċjetà għandha l-obbligu tipprovdi s-servizzi mediċi.
“Għandha tibqa’ tingħata kull kura li ttaffi l-uġiegħ fiżiku u psikoloġiku li jista’ jkun hemm sakemm il-proċess naturali tal-mewt jieħu l-kors tiegħu,” iddikjaraw l-Arcisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech fi kliemhom għandna nżidu l-kura mhux noffru l-mewt.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend