Rakkomandat foster care speċjalizzat għal tfal fi problemi mal-liġi | One News

Notifiki

Rakkomandat foster care speċjalizzat għal tfal fi problemi mal-liġi

Għandu jkun hemm foster care speċjalizzat għal tfal fi problemi mal-liġi. Dan jipprovdi soluzzjoni aħjar biex it-tfal jerġgħu jintegraw fis-soċjetà iktar milli jmorru l-ħabs jew Monte Carmeli.

Din ir-rakkomandazzjoni ħarġet fi studju bit-tema Let Me Thrive, li kien ikkummisjonat mill-uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal. L-istudju twettaq fl-2014 u l-2015 u huwa bbażat fuq intervisti fid-dettall ma’ tfal li għaddew minn foster care, minn ġenituri li taw lill-uliedhom għall-fostering, foster carers, professjonisti u dawk responsabbli mit-tfassil ta’ liġijiet.

 Jingħad li hemm bżonn titjib fejn jidħol il-fostering ta’ tfal immigranti.

Jirriżulta li familji refuġjati għandhom ħtiġijiet ta’ child care li mhux ikunu moqdija, u f’disperazzjoni jidħlu f’arranġamenti ta’ fostering informali, fejn it-tfal ikunu separati mill-ġenituri tagħhom mingħajr ħtieġa. Minn naħa l-oħra, il-fostering ikun meqjus bħala għażla tajba għall-minuri li jidħlu f’pajjiżna mhux akkumpanjati. Hemm numru ta’ rakkomanzazzjonijiet oħra, fosthom iktar appoġġ għal foster carers, li jinkludi appoġġ finanzjarju.

Huwa propost li jkun hemm iktar taħriġ għal social workers, li t-taħriġ ta’ foster carers ikun akkreditat u li dawn il-familji jingħataw l-istess miżuri bħal ġenuturi oħra, fosthom inċentivi fit-taxxa u benefiċċji fuq il-post tax-xogħol.

L-istudju jagħraf li l-iżvilupp ta’ drittijiet tat-tfal iseħħ l-aħjar meta jkunu f’ambjent ta’ familja. Jemfasizza l-importanza tal-kontinwità u l-stabilità, ta’ sens ta’ permanenza u li jappartjenu li jappartjenu lil familja li tieħu ħsiebhom. Ir-rapport jisħaq li l-istat għandu jiżgura din il-kontinwità. Dan filwaqt li jikkonsidra l-età tat-tfal, kemm kellhom żmien meta kienu fostered u r-rabtiet emozzjonali mal-familja propja u mal-foster family.

Fost oħrajn l-istudju jgħid li l-politika attwali għandha tkun riflessa f’liġi li tiżgura li jkun hemm integrazzjoni mill-ġdid mal-familja oriġinali u kura alternattiva permanenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend