Il-prezz tal-prosperità, il-Eurovision u l-Olimpjadi – One News

Notifiki

Il-prezz tal-prosperità, il-Eurovision u l-Olimpjadi

Nazzjonijiet li jgawdu l-prosperità – u jidher li Malta, għalkemm dejjem fiċ-ċokon tagħha, tidher dieħla sew f’din il-kategorija – ma jistgħux ma jsirux multikulturali. U jekk issir multikulturali – jiġifieri s-soċjetà ma tibqax biss magħmula minn Maltin Insara iżda magħha jiżdiedu l-barranin ta’ diversi razzez u twemmin (jidher li fostna hawn 6.4 fil-mija barranin) – ifisser li hemm riskju tkunx tista’ tibqa’ ssib dak li jgħaqqad l-abitanti. Qiesu hawn qed jingħad li biex ikollok prosperità trid tħallas prezz. Anzi l-istoriku ekonomista Amerikan Todd G. Buchholz (fil-ktieb riċenti tiegħu The Price of Prosperity) jaħseb li nazzjonijiet għanja jista’ jkollhom sogru akbar minn oħrajn, li wara ċertu żmien, jissograw li jmorru ħażin. Huwa jsostni li nazzjonijiet kbar u għanja jistgħu jesperjenzaw i) nuqqas ta’ wild ii) kummerċ globalizzat iii) żjieda fid-dejn iv) tnaqqir tal-etika tax-xogħol u v) għajbien tal-patrijottiżmu.

Patrijottiżmu

Nieħdu tal-aħħar għax l-eħfef. Aktar ma jkollok barranin jaħdmu u jgħixu f’pajjiż anqas tista’ tappellalhom li jpoġġu dak il-pajjiż qabel kollox; anzi bosta minnhom isiru qieshom nomadi biex ma nużawx il-kelma merċenarji li jimxu fejn isibu l-aħjar xogħol għalihom. Imma hemm kumplikazzjonijiet oħra. Ejja niehdu eżempju prattiku fil-kuntest tagħna: aktar ma jikber l-għadd ta’ Musulmani fostna aktar issir diffiċli tħeġġiġhom jiċċelebraw magħna l-festa nazzjonali tat-8 ta’ Settembru biex infakkru r-rebħa fuq it-Torok; aktar u aktar tistedinhom jaraw il-parata tal-karnival fejn il-Maltin u l-kavallieri tas-Salib jirbħu fuq in-Nofs Qamar!

Sal-lum rajna nies akkaniti Maltin isegwu l-Eurovision, ukoll jekk qatt ma rbaħna. Tista’ tgħid dak is-Sibt filgħaxija f’Mejju ta’ kull sena t-toroq jiżvujtaw min-nies lokali biex naraw x’ċans se jiġina li forsi xi darba nirbħu.

Dan patrijottiżmu modern. Nagħtu appoġġ persuna waħda Maltija: kantant jew kantanta. Nonfqu l-belli liri biex nagħżlu għanja, nagħżlu kantant/a, nagħmlu l-promozzjoni u nxandru servizzi kompluti. Imorru delegazzjonijiet sħaħ fil-pajjiż fejn isir il-finali. (Għall-bilanċ ngħidu li f’taż-żgħar morna aħjar għax irbaħna darbtejn.)

Maltin fl-Olimpjadi baħħ

Semmejt il-Eurovision għax bħalissa għaddejjin l-Olimpjadi f’Rio il-Brażil. Hemm 7 Maltin jieħdu sehem li jikkonsistu f’żewġ tiraturi, żewġ atleti, żewġ għawwiema u wieħed jerfa’ l-piżijiet. Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt 5/6 ta’ Awissu saret iċ-ċerimonja uffiċċjali fejn il-Maltin imxew man-nazzjonijiet l-oħra jerfgħu l-bandiera Maltija. Hawn Malta, fix-xandir ħadd ma taha xandira diretta jew l-għada filgħodu bħalma għamlu Rai 2; l-anqas ix-xandir pubbliku li marbut jipprovdi servizz ta’ avvenimenti nazzjonali. Fil-gazzetti ftit li xejn rajna pubbliċità kbira ; il-Ħadd 7 t’Awissu gazzetta waħda biss ġabet ritratt ta’ Andrew Chetcuti bil-bandiera Maltija f’idu fl-ewwel faċċata. Agħar minn hekk l-anqas fl-aħbarijiet tax-xandir pubbliku ma rajna – siegħat wara – imqar biċċa film tal-mixja tal-Maltin u wisq anqas naraw xi xandira diretta ta’ meta jieħdu sehem fl-avvenimenti tagħhom, ukoll jekk ma jiġux minn ta’ quddiem. Tassew li aħna żgħar, tassew li d-drittijiet għoljin, tassew li l-Brażil ‘il bogħod u hawn l-ispejjeż, u tassew ukoll li Malta mill-1928, kemm ilha tieħu sehem, qatt ma ġabet xi midalja tad-deheb….imma għaliex dawn is-7 ma nsegwuhomx?

Għala abbandunajnihom? Tgħid tort tal-Kumitat Olimpiku li ma jagħmlux biżżejjed pubbliċità ? Għala ma nvestejniex fihom biżżejjed (bħalma nagħmlu fil-football ukoll jekk fl-aħħar jitilfu) li bi ftehim ma’ xi stazzjon qarib jew ħabib stajna nużaw biċċiet tal-film flok ritratt li ssibu fuq l-Internet? Kieku ma kienx għar-RAI li jagħti servizzi kbar fuq il-parteċipanti tiegħu (mhux tagħna) kieku anqas nafu li qed isiru l-Olimpjadi għax ħlief xi programm ‘l hawn u ‘l hinn ma narawx lokalment.

Għalina das-7 atleti setgħu marru fuq pjaneta oħra! Il-Euro 2016 fi Franza – allavolja Malta ma rnexxilhiex tidħol mal-24 finalisti – gawdejnih komplut (u ħaqqu prosit ix-xandir pubbliku li għamel dan possibli). Għala l-Olimpjadi ma jfissru xejn għall-midja Maltija, meta jistgħu jqanqlu interess nazzjonali, tista’ ssejjaħlu patrijottiku ? Tgħid veru li aktar ma tkun multikulturali aktar hemm sogru titlef il-patrijottiżmu? Jinbidlu l-valuri?

Ħrieqi aktar ghall-anzjani milli għat-trabi

Raġuni oħra li ssemmiet hawn fuq hi li pajjiż li jipprospera aktarx jibda jitlef l-għadd ta’ wild. L-Italja fl-2014 mietu 17 fil-mija iżjed nies milli twieldu. Żbilanc baxx daqshekk qatt ma kellhom qabel. Il-ministru tas-saħħa sklama: il-pajjiż qed imut!  Dan mhu xejn. Fil-Ġappun – pajjiż li mill-gwerra ‘l hawn ipprospera sew – it-twelid niżel għal rata ta’ 1.3 tfal għal kull familja – l-idejal fid-dinja jitqies li hu 2.5. Fil-Ġermanja r-rata hi ta’ 1.4 u l-Italja ta’ 1.39. Erbgħin fil-mija taż-żgħażagħ Ġappuniżi li jgħixu waħedhom u m’għandhomx aktar minn 30 sena qalu li mhux imħajjrin ikollhom relazzjoni (li possibilment twassal għaż-żwieġ, familja, tfal).

Tant hemm aktar xjuħ minn trabi li l-Ġappun ibiegħu ħrieqi iżjed lill-anzjani milli għat-trabi. L-Assoċjazzjoni tal-Ippjannar tal-Familja qalet li raġel minn kull ħamsa qrib it-30 sena qalilha li mhux interessat fis-sess. Il-Ġappun jibqa’ kurjuż għall-fatt li għandu l-akbar numru ta’ anzjani li jaqbżu l-100 sena.

Ġietu ideja fl-1963 li jagħti rigal tal-fidda lil kull min jagħlaq mija. Dik is-sena ngħataw 153 rigal. Is-sena li għaddiet (2015) 30,000 Ġappuniżi għalqu mija! Il-gvern iddikkjara li l-għadd dejjem nieqes ta’ dawk li jhallsu t-taxxi ma jistgħux jibqgħu jibagħtu rigali tal-fidda lil daqstant anzjani li jagħlqu 100 sena!

Il-Ġappun mhux qed jipprospera waħdu. L-Istati Uniti pajjiż avvanzat ekonomikament. Tintebaħ kemm hemm anqas trabi li jitwieldu kull sena minn ċensiment interessanti: hemm fuq il-75 miljun tfal , 90 miljun qattus, 75 miljun kelb u 170 miljun ħut tal-ilma ħelu. Ovvju li l-pets qed jieħdu post it-tfal. Il-ħwienet tal-pets ibiegħu ħames darbiet iżjed prodotti milli jbiegħu tat-tfal. Tgħid għax irħas trabbi pet minn tarbija? Żgur ma tridx tibgħathom l-iskola!

Attenti għad-densità

Malta s’issa (2014) nidhru għandna 1.42 rata ta’ fertilità. Għad ma qbiżniex in-numru ta’ trabi bin-numru ta’ mwiet (kwart tal-popolazzjoni tagħna qabżet is-60 sena) – għad għandna mat-800 twelid aktar minn mewt skont ċifri tal-2013 – iżda ovvjament waqt li qed nagħmlu l-prosperità sabiħa tagħna tajjeb li nibqgħu iffukati fuq dak li qed jiġri madwarna. Forsi aktar irridu noqogħdu attenti għad-densità (jiġifieri kemm nies jistgħu jgħixu fuq dil-gżira). Skont lista mondjali aħna ninsabu fit-8 post ta’ densità akuta fid-dinja b’1,353 persuna f’kull kilometru kwadru.

Mal-argumenti serji riċenti li nġabu kontra li jimbnew gerriefa tas-sema (skyscrapers) fl-abitant (bħal tas-Sliema) ma smajtx kemm se jżiedu abitanti f’ilsien dejjaq ta’ art….kemm se jiżdiedu karozzi kuljum smajt….u ksaħt! Fis-sajf tas-Sliema l-popolazzjoni tiżdied qatigħ bit-turiżmu fil-lukandi u l-appartamenti. Nifilħu li diż-żjieda tkun permanenti f ‘roqgħa żgħira, b’appartamenti jilħqu s-sema?

Xi snin ilu kont akkumpanjajt tim tat-TV Franċiż Antenne 2 li irrapurtaw kemm sabuna iffullati madwar il-port, meta tieħu l-Kottonera, il-Belt u tas-Sliema flimkien. Stagħġbu bil-figuri – forsi aħna mhux dejjem nintebħu b’dan minħabba li l-baħar iserraħ l-għajn iżda t-traffiku termometru ċar.

Kollox għandu l-prezz tiegħu. L-istess prim ministru stqarr (meta lħaqna l-quċċata fin-nuqqas ta’ nies qegħda fl-Ewropa) li aktar faċli titħabat biex tiġi quddiem nett milli żżomm postok hemm fuq. Ftit tal-ħsieb mal-prosperità għandu jgħin biex il-prezz li  nistgħu nħallsu tal-progress inżommuh baxx kemm jista’ jkun. Mhux dejjem faċli jekk insiru għaġġelija. Nafu xi ġralha l-qattusa.

Ritratt tal-ġimgħa juri l-kontinġent Malti jimxi wara l-bandiera Maltija f’Rio fil-ftuħ tal-31 edizzjoni tal-Olimpjadi. Nagħtuhom appoġġ ifisser patrijottiżmu modern.

Olympic

F’ras il-blog naraw id-densità tal-popolazzjoni kif tidher madwar il-port. Ta’ min iżiedha b’aktar appartamenti u allura aktar nies?

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend