Dik l-imbierka bagalja! – One News

Dik l-imbierka bagalja!

L-Erbgħa segwejna l-inċident li seħħ ġewwa l-ajruport ta’ Dubai, fejn ajruplan tal-Emirates inħakem minn nirien ftit wara li niżel fl-ajruport. In-nirien ikkawżaw ħsara kbira, tant li inħolqot toqba kbira tul is-saqaf tal-ajruplan. Fortunatament ħadd mill-passiġġieri ma tilef ħajtu, għajr għall-ħaddiem wieħed tat-tifi tan-nar.

Madanakollu dan l-inċident seta’ wassal għal konsegwenżi ferm aktar serji. Mhux se nidħol fil-mertu ta’ x’seta’ kienet il-kawża tal-inċident (għal dan il-għan issir investiġazzjoni professjonali), pero żgur li l-passiġġieri kienu qed jipperikolaw ħajjithom stess. Għaliex qed ngħid hekk? Sa filgħaxija kienu diġa telgħu online amateur-videos juru s-sitwazzjoni waqt l-evakwazzjoni. L-atitudni ta’ wħud mill-passiġġieri ħallewni perpless u wrew kemm hawn min ma jirrealizzax il-periklu li qed jitfa’ lilu n-nifsu, u lil ta’ madwaru.

L-ewwel nett ma nafx kif f’dak il-ħin, persuna tiġiha f’moħħha li toħroġ il-mobile phone u tirrekordja video….iżda ejja nħallu dan il-fatt ftit fil-ġenb għalissa u niffukaw fuq dak li nistgħu nitgħallmu minn dan il-filmat. L-iktar ħaġa li dejqtini u inkwetatni kienet l-ammont ta’ passiġġieri li, minflok obdew mill-ewwel l-istruzzjonijiet tal-evakwazzjoni, qamu minn posthom biex jieħdu l-basktijiet mill-kompartimenti ta’ fuq rashom! Inkredibbli!

L-ajruplan qed jintela bid-duħħan u x’inhi l-ewwel ħaġa li tagħmel? – tqum biex iġġib il-basket minn fuq rasek! Għal uħud il-basket tagħhom huwa ferm iktar importanti minn ħajjtihom u tan-nies ta’ madwarhom. Wieħed ma jirrealizzax kemm huwa ferm faċli li timblokka kuritur t’ajruplan jekk il-bagalja teħel bejn is-seats, jew kemm huwa faċli li titfixkel u taqa’, b’konsegwenza li timblokka kuritur sħiħ.

Żgur li din is-sitwazzjoni inkwetanti ġrat drabi oħra, hemm diversi ritratti u videos online li juru dan. Il-passiġġieri mhux qed jirrealizzaw li kull sekonda waqt evakwazzjoni hija importanti. Il-pjan t’evakwazzjoni qiegħed hemm għal raġuni, u bhala passiġġieri irridu nirrispettawh. Is-sigurta’ waqt vjaġġ ma jistax jittieħed b’mod leġġer.

Punt ieħor li jinkwetani, u mhux relatat mal-filmat ta’ dan l-inċident, huwa meta jinżel l-ajruplan fid-destinazzjoni tiegħu. Qas jilħaq jasal fuq l-istand li ma tarx in-nies iqumu u jingumbraw il-kuritur bil-bagalji. Jekk tinqala emergenza, zgur li tissarraf f’diżgrazzja – kulħadd ippakjat qisu sardina bi ftit spazju fejn tiċċaqlaq. Marelli, qisu se jaħrab l-ajruport!

Ejja inkunu ftit aktar responsabbli, għax wara jista’ jkun tard wisq.

Screen Shot 2016-08-04 at 20.00.59

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

1 Comment

  1. Dan il-kaz juri li mhux ahna l-Maltin biss tigieg, anke popli ohra mid-dinja kollha bhalna jaghmlu, ghax il-bniedem hu bniedem, hu minn fejn hu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend