Bulgara b’serq fuq anzjana fl-ajruport – One News

Notifiki

Bulgara b’serq fuq anzjana fl-ajruport

Bulgara ta’ 50 sena qed tinżamm arresta wara li kienet mixlija li serqet basket li fih kien hemm €21,000 ta’ Bulgara oħra li kienet għadha kemm tasal Malta fuq l-istess titjira.

Mariya Ognyanova Petrova ġiet akkużata li fis-26 ta’ Marzu ta’ din is-sena li serqet portmoni b’dannu għal Keta Netsova ta’ 97 sena fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

L-Ispettur Joseph Mercieca, li investiga l-każ, spjega lill-Maġistrat Joseph Mifsud kif mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li Petrova semgħet lil Netsova tgħid li kellha dak l-ammont fuqha qabel waslet f’pajjiżna.

Waqt li kienu fl-ajruport jistennew li jiġbru l-bagalja, il-vittma nnutat li kellha rota tal-bagalja mkissra u kien allegatament waqt li fdat il-basket ma’ Petrova li dan ħaditilha l-flus.

Il-flus kienu fil-pussess ta’ Netsova wara li biegħet proprjetà f’pajjiżha biex tkun tista’ tiġi tgħix Malta, u sakemm tressqet Petrova l-flus kienu għadhom ma nstabux.

L-avukat li deher għal akkużata ma talabx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk din baqgħet miżmuma taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-mara hi akkużata wkoll li hi reċidiva.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend