Malta se tingħaqad ma’ pjattaforma ta’ allert biex jiġu salvati t-tfal – One News

Notifiki

Malta se tingħaqad ma’ pjattaforma ta’ allert biex jiġu salvati t-tfal

 

Kull sena fl-UE jiġu rrappurtati neqsin 250,000 tifel u tifla. F’76% tal-każijiet ta’ tfal li jinħatfu u jinqatlu, il-qtil iseħħ f’temp ta’ tliet sigħat minn mindu jsir il-ħtif.

Fl-ewwel nofs tal-2017 Malta se tibda tuża s-sistema AMBER Alert li se tippermetti lill-Pulizija tagħmel użu minn arranġament strutturat u effiċjenti biex tgħarraf  lill-pubbliku meta jkun hemm il-biża’ li tfal maħtufin jew neqsin ikunu f’periklu imminenti. B’hekk, in-nies se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tgħin lill-Pulizija sabiex tfal neqsin li jkunu f’riskju serju u imminenti jinstabu malajr kemm jista’ jkun.

Il-Pulizija ta’ Malta qed tikkollabora mal-organizzazzjoni internazzjonali AMBER Alert Europe, li toffri pjattaforma ta’ allert Ewropew biex jiġu salvati t-tfal u network tal-pulizija dwar it-tfal neqsin, bl-għan li tistabbilixxi s-sistema u tikkollega ma’ dik ta’ Stati Membri oħrajn tal-UE.

Permezz ta’ dan, titjieb il-koperazzjoni bejn il-Pulizija, u l-pubbliku jkun mgħarraf aħjar biex ikun jista’ jgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet tat-tfal neqsin.

Malta qiegħda wkoll tikkunsidra attivament tipi oħrajn ta’ koperazzjoni fil-livell Ewropew f’dan il-qasam. Fil-preżent, it-tiftix għal tfal neqsin li jkunu f’periklu imminenti spiss jitlef il-momentum tiegħu malli jasal mal-fruntieri interni tal-UE.

B’kollox hemm 17-il Stat Membru tal-UE li stabbilixxew sistema  ta’ allert dwar tfal li jkunu f’periklu imminenti. Malta se tkun ir-raba’ pajjiż li se tkun qed tagħmel użu mis-sistema tal-AMBER Alert ipprovduta minn AMBER Alert Europe, wara l-Olanda, l-Islovakkja u l-Lussemburgu.

Fix-xhur li ġejjin, il-Pulizija se tkun qed issaħħaħ il-kuntatti tagħha fil-komunità sabiex tkun f’pożizzjoni aħjar biex ixxerred  informazzjoni li twassalha biex tgħaddi l-messaġġ lill-pubbliku b’mod effettiv f’każ ta’ allert. tfalmsieken

“Il-kwistjoni tat-tfal li jinħatfu jew jonqsu dejjem ngħatat l-ogħla prijorità mill-Korp tal-Pulizija tagħna, u tul il-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-UE Malta se tkun qed taħdem qatigħ għal aktar żviluppi fil-livell Ewropew f’dan il-qasam.” qal il-Ministru Abela.

Huwa faħħar lid-deputati Ewropej Maltin Miriam Dalli u Roberta Metsola li kienu fuq quddiem nett fost grupp ta’ Membri tal-Parlament Ewropew li taw bidu għal dikjarazzjoni bil-miktub sabiex jitwettaq il-pjan ta’ ħames punti li ppreżentat l-AMBER Alert Europe bl-għan li fl-UE jkollna protezzjoni aħjar għat-tfal neqsin li jkunu f’periklu imminenti billi tissaħħaħ il-koperazzjoni transkonfinali f’dan il-qasam. Il-PE approva din id-dikjarazzjoni bil-miktub dan l-aħħar.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend