Kampanji u memorji politiċi | One News

Notifiki

Kampanji u memorji politiċi

Bħalissa fl-Istati Uniti  għaddejja l-akbar kampanja elettorali fuq din il-pjaneta. Apparti l-miljuni li jintefqu biex jilħqu l-elettorat (li ironikament rari jivvota aktar min-nofsu) joħorġu fid-deher l-interessi implikati kemm fuq livell domestiku kif ukoll  globali. Aktar minn qatt qabel, il-ġirja bejn Hilary Clinton u Donald Trump – it-tnejn minn klassi stabbilita ta’ qawwiet li jirrapreżentaw forzi

hlaryfinanzjarji kbar – hi wkoll probabbli l-aktar waħda kuntrastanti fil-mod kif saru popolari. Clinton hi ‘l-aktar kandidata adattata  għall-presidenza’ (kif iddeskriviha Obama tal-Partit Demokratiku)  għax barra li kienet First Lady ta’ żewġha Bill, kienet ukoll tmexxi l-ministeru tal-affarijiet barranin ma’ Obama. Ir-Republikan Trump hu l-biljunarju li rnexxielu – ma kellux x’jitlef – jappella  għal dawk l-estremisti li sabu spazju fit-theddid tat-terroriżmu u r-razziżmu fil-pajjiż.

It-twerwir jipponta lejn il-Musulmani

Clinton twiegħed sigurezza bla riskju,  gvernar bla sulluzzu. Trump, min-naħa tiegħu jirrapreżenta vuċi ġdida: jirrifletti r-rabbja u d-dwejjaq ta’ dawk anqas tolleranti. Dil-ġirja statunitensa mhix ħlief mera, wara kollox, ta’ dak li qed tesperjenza l-Ewropa wara sensiela ta’ attakki traġiċi fuq ħajjiet innoċenti. Kull attakk ta’ twerwir jipponta subajgħ lejn il-Musulmani li ġew fl-Ewropa mill-Afrika jew mill-Asja. Partiti estremisti bħal ta’ Marine Le Pen fi Franza, Lega Nord fl-Italja, Farage fir-Renju Unit u l-ekwivalenti tagħhom fl-Awstrija u l- Ġermanja jidhru qed isibu spazju komdu biex iwieġbu għas-sejħa razzista tal-elettorat, imxebba’ għax ma jarawx id soda tieqaf lil dan it-terrur. Hemm ċans kbir li bħalma ġara l-Ingilterra, dawn l-estremi jieħdu s-sopravvent u jaslu jitilgħu fil-poter għax ikunu qed jirrapreżentaw parti mill-elettorat li jrid iwaqqaf it-terrur.

Kulma trid biex ittella’ partit fi gvern hu li tirbaħ il-maġġoranza ta’ dawk li jivvutaw . F’pajjiżi tal-Punent, fejn anqas nies milquta jidhru jinteressaw ruħhom jivvutaw (fir-Renju Unit nofs iż-żgħażagħ ma vvutawx fir-referendum sforz l-apatija) dil-maġġoranza mhux dejjem tirrapreżenta l-biċċa l-kbira tal-elettorat li seta’ jivvota. Pajjiżi oħra demokratiċi ġa waslu fejn qed jippruvaw jaslu l-Istati Uniti, Franza f’Mejju u l-Ġermanja warajha. Fil-Polonja l-Papa Franġisku  għad kemm ħajjar lill-gvern iwarrab il-politka ta’ bieb magħluq  għar-rifuġati. X’se jiġri fil-ġejjieni qrib għandu ħila jiddetermina l-aħħar effetti ta’ imperi li baqgħu biss magħna fl-isfrattu u ċ-ċaqliq tan-nies.

Mexxejja Maltin ribelli

Malta konna f’imperu impost fuqna.  Gawdejna minnu minn diversi aspetti; mhux  għax l-imperjalisti riedu li pajjiżna javvanza iżda  għax tgħallimna nisirqu s-sengħa, niġġieldu  għal drittijiet miċħuda u ntejjbu s-sitwazzjoni tagħna minkejja r-riskji li kellna nieħdu. Forsi għax aħna stokk Ewropej, il-ġlieda tagħna qatt ma waqfet tkun waħda kontra l-inferjorità li riedu jċappsuna biha. Mhux  għax ma kellniex inferjorità kolonjali (li tiġi fuqek kważi b’mod naturali) iżda  għax fostna dejjem instabu mexxejja ribelli li ma felħux jiġu mgħajjra minn ta’ fuqhom sempliċiment  għax ma kienux barranin bħalhom.

Nibdew minn Vassalli (li għad ma tajnihx nofs li ħaqqu) kontra d-despotiżmu tal-Ordni tal-Kavallieri; Manwel Dimech (li lħaqna qtajna ħafna mid-dejn pubbliku lejh); Nerik Mizzi (li ġie skartat għax ħareġ mill-moda wara t-Tieni Gwerra Dinjija); u Duminku Mintoff li kellu ħolma li seħħet b’xogħol iebes u mhux dejjem bl-approvazzjoni ta’ kulħadd.

Fil-memorja tagħna dawn in-nies għamlu d-differenza għax żammew mal-prinċipji tagħhom, iġġieldu  għal idejal li mhux bilfors tefagħhom fit-triq komda tad-diplomazija, tad-demokrazija faċli. Tnejn spiċċaw ħażin u tnejn inqdew mis-sistema politika fil-Punent. Kollha flimkien wassluna lejn is-sebħ ta’ identità mixtieqa wkoll jekk kienu qed jirrapreżentaw ftit eluf ta’ nies fuq blata f’nofs ta’ baħar.

100 sena minn twelid Mintoff

Das-sajf infakkru l-mitt sena mit-twelid ta’ Duminku Mintoff. Il-Prim Ministru f’diskors ta’ tifkira li  għamel Bormla fid-29 ta’ Lulju, stqarr li kien qed jagħtih l-akbar rigal meta Malta rnexxilha tkun l-ewwel fin-nuqqas ta’ qgħad fl-Ewropa. Minnu li Mintoff, tul il-ħajja politka tiegħu, tħabat kemm felaħ biex iwieżen lill-ħaddiem bis-saħħa ta’ tant servizzi soċjali li introduċa. Fis-snin sebgħin mintoffMintoff seħaq ukoll biex jagħti esperjenza aktar repubblikana lill-pajjiż (aktarx l-ewwel darba wara żmien il-Franċiżi, 200 sena qabel). Imbotta l-mentalità tal-Maltin u l-Għawdxin fil-ġlieda tal-inferjorità billi, kif ħasibha hu, ta importanza lill-identità tagħna, għolla dak li kien Malti u waqaf kemm seta’ l-arroganza tal-barrani. Illum dawn il-ħwejjeġ m’għadhomx moda iżda għadhom iservu ta’ sisien biex ma nbiegħux ruħna kif ġie ġie għax jaqblilna billi nibqgħu kolonjali fi ħsibijietna.

Dokument umiljanti

Ma nifhemx pereżempju kif fi ktieb sabiħ illustrat maħruġ minn Heritage Malta u Malta Libraries bl-isem Valletta 1566 Melita Rinascens jingħażel li tinġieb f’paġna 119 riproduzzjoni tal-kapitulazzjoni li l-Franċiżi iffirmaw f’Settembru 1800 u li fiha l-Maltin tħallew barra mill-Ingliżi biex ma jkollhom ebda dritt fuq arthom, wara taqbida ta’ sentejn li swietilhom il-mewt ta’ 10,000 ruħ. Kont nippreferi kopja tal-Convention ta’ sentejn qabel li fiha  għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta, erbgħa mexxejja Maltin iffirmaw mal-barranin biex jeħilsu mill-Ordni. Ħasra li  għad ma nagħrfux dokument umiljanti minn ieħor! Ma fhimtx l-anqas  għala f’paġni 116-7 fuq l-istorja tas-Sette Giuġno naqraw x’ġara bil-Malti meta l-ktieb hu kollu bl-Ingliż ! Dan biex l-eroj tagħna naħbuhom mill-barrani? Mentalità kolonjali  għall-aħħar.

Fl-istess ktieb bl-istampi Manwel Dimech jidher fit-taqsima tal-monumenti. Ovvjament fil-belt Valletta għad ma sibniex post għall-ewwel politiku Malti demokratiku li biex iġġieled  għad-drittijiet ta’ ħutu l-Maltin sofra eżilju ta’ 20 sena u  ġie mċaħħad minn mewt Kattolika. Kulħadd xortih!

Mużew tal-politka

Dil-ġimgħa wkoll tħabbar li dar fi Triq San Ġwann il-Belt se tinfetaħ bħala mużew tal-politka. Fortunatu u ibnu Nerik Mizzi kienu jgħixu f’din id-dar. Il-Fondazzjoni Nerik Mizzi tfakkar lill-uniku prim ministru li miet waqt li kien jiggverna fl-1950. Jeżisti bust il-Belt iżda ftit li xejn jiġi mfakkar  għall-ġlieda li  għamel tul karriera twila li matulha għadda qorti marzjali, ġie eżiljat l-Uganda fil-gwerra, barra li kien fundatur u editur tar-rivista Malta bejn l-1926 u l-1940. F’isem il-belt_tarag_portPartit Nazzjonalista (jew qsim ta’ partiti fi ħdanu) kien membru tal-assemblea leġislattiva bejn l-1921 u l-1950. Ħadha kontra forzi ta’ emoġenità Brittanika u forsi  għalhekk li wara mewtu ħareġ mill-moda. Wara l-gwerra kull dell ta’ Italjanità ma kienx jidher sabiħ hawn Malta imma jibqa’ l-fatt li ħadem bis-sħiħ biex jagħti dinjità lil pajjiżu fi żmien meta konna stmati ta’ inferjuri. Ħaġa sabiħa li l-parlament  għadda din il-propjetà lil din il-fondazzjoni biex isir mużew politku fil-belt kapitali.

Jalla nimmaturaw fil-memorji tagħna għax għalkemm sabiħ tiftakar fl-imgħoddi qatt m’għandek tiftakar f’imgħoddi imgħawweġ għax tistħi turi l-verità li fuqha suppost tibni l-ġejjieni.

Dal-ġranet tħabbar il-pjan kif se jissebbaħ dħul il-Belt u jsir pedonali, proġett li għandu jitlesta sa tmiem is-sena d-dieħla. Sa dan it-tant madankollu xieraq li dak li ġa tnaddaf, bhal dan is-sur fir-ritratt tal-ġimgħa, ma jservix ta’ serħan għall-iskart. Spiss mhux skip wieħed ikun hemm ma’ dan is-sur iżda iżjed.

charles 2

Fir-ritratt fir-ras tal-blog naraw speċi ta’ suq quddiem il-Qorti u l-monument nazzjonali tal-assedji. Tgħid dan hu l-post adattat għal dan l-artiġjanat kummerċjali?

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend