Busuttil kontra r-residenti ta' Birżebbuġa u s-South kollu | One News

Notifiki

Busuttil kontra r-residenti ta’ Birżebbuġa u s-South kollu

Jekk qatt kien hemm bżonn ta’ xi konferma ta’ kemm Simon Busuttil fil-kwistjoni kollha li qajjem dwar l-Università Amerikana, rikeb biss fuq il-karru tal-ambjentalisti, ta’ min verament kellu xi mistoqsijiet ġenwini dwar il-proġett u l-impatt ambjentali tiegħu, ħadha llum bi stqarrija li l-Front kontra l-ODZ ħareġ b’rabta mal-espansjoni tal-Freeport.

Il-Front kontra l-ODZ m’għamilx bħal Kap tal-Oppożizzjoni li l-ewwel qal li ODZ is ODZ, imbagħad beda jdur u jgħaqqad aktar minn pinnur mar-riħ skont dak li jinqala’, biex il-qofol ta’ kollox intlaħaq issa, meta ħareġ jitkellem favur ta’ aktar tniġġiż għar-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar, iżda laqa’ dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat, li ma jaqbilx li għandu jkun hemm aktar espansjoni tal-Freeport.

Il-Prim Ministru ma tkellimx kontra aktar espansjoni tal-Port Ħieles għax huwa kontra li n-negozji jkomplu jikbru, anzi bizzejjed wieħed iħares lejn il-ħidma li saret f’dawn l-aħħar tlett snin favur in-negozju, ħidma li waset għal tkabbir ekonomiku bla preċedent, l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u t-tieni l-inqas fl-Ewropa u ħolqien ta’ 20,000 impjieg ġdid.

Dawn il-figuri jitkellmu waħidhom u kienu possibli għax ittieħedu d-deċiżjonijiet. Il-Mexxej Laburista tkellem b’dak il-mod għax hemm toroq ġodda kif Malta tista’ ssir ċentru loġistiku fuq mudelli ta’ pajjiżi barranin, bħal Singapore li juża sistema ta’ free zones, fuq kollox tkellem b’dak il-mod għax ir-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar ilhom jaqilgħu wisq fuq rashom għal snin twal.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla bil-pjan ta’ ħidma tal-establishment politiku li għadu sal-llum jagħmel parti minnu, minkejja li x-xetru għadda minn id ħaddieħor għal idu. L-establishment politiku ta’ Simon Busuttil, l-istess wieħed li ħa dirsa papali l-aħħar elezzjoni, tefa’ kull xorta ta’ żibel u imbarazz fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Agħar minn hekk u ċertament bla mistħija ta’ xejn ma staħax li jiġġieled biex kumpens li kellu jmur għand ir-residenti ta’ Birżebbuġa minħaba l-Freeport, tħalla għand il-kumpanija, dan minkejja l-inkonvenjent bla limitu għar-residenti.

Biex tgħaqqad kollox, Simon Busuttil huwa kontra l-proġett tal-Power Station, irid li nibqgħu naħdmu bl-aktar fjuwil li jħammeġ, irid li uliedna jibqgħu jibilgħu d-duħħan. Busuttil huwa kontra t-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li kien għalih it-€80miljun fis-sena li qed imorru lura fi bwiet il-familji u n-negozji u t-traħħis, għandhom imorru onorarja għall-establishment politiku li kiber fih u li llum imexxi u li qatt ma qal xejn dwaru. Simon Busuttil huwa garanzija ta’ kontijiet ogħla u aktar tniġġiż.

Bil-maqlub dan huwa Gvern li qed jaħdem qatiegħ għar-residenti tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta għax dawn ir-residenti mhumiex ta’ klassi inferjuri mill-kumplament tal-pajjiż.

Għalaq l-powerstation tal-Marsa, l-enerġija dalwaqt se tkun iġġenerata permezz tal-gass, se jwaqqa’ ċ-ċumnija l-antika ta’ Delimara, beda l-proċess biex inneħħu t-tankijiet tal-gass f’Birżebbuġa, kien attirat lejn is-South niċċa ġdida ekonomika, l-akbar investiment dirett barrani fl-edukazzjoni; l-AUM, sar pitch tal-waterpolo u tal-football għall-kommunita ta’ Birżebbuġa, tħabbret r-riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li xxukja ruħu meta Joseph Muscat qal li ma jridx aktar espansjoni. Ix-xokk ħaduh in-nies, li min qed jaspira ruħu li jsir Prim Ministru (Alla ħares qatt) huwa kontra r-r-resident ta’ Birżebbuġa u tas-South kollu. Qas jistħi.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend