Simon Busuttil kommess li jżid it-tniġġiż fin-naħa t’isfel ta’ Malta – One News

Notifiki

Simon Busuttil kommess li jżid it-tniġġiż fin-naħa t’isfel ta’ Malta

Mill-Kap tal-Oppożizzjoni mdorrijin nisimgħu biss negattività u tgħajjir, bla qatt ma jgħid x’jagħmel hu jekk jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh. Imma din id-darba, f’okkażjoni rari ħafna, qalilna x’biħsiebu jagħmel. Simon Busuttil irid jespandi l-Freeport. Jekk ma tridx fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp. Taret mar-riħ l-wegħda tiegħu li “ODZ is ODZ”.

Fi stqarrija l-Partit Laburista nnota li bla wisq taħbil tal-moħħ, Busuttil qabad u ddeċida li jrid jibni fuq art agrikola. Irid ikabbar dak li għar-residenti ta’ Birżebbuġia u l-madwar diġa jfisser inkonvenjent. Dan huwa l-istess Simon Busuttil li kien parti integrali mill-Gvern li fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta tefa’ powerstations, impjant taż-żibel, impjant tad-drenaġġ, u tant oħrajn. Għall-amministrazzjoni preċedenti, ir-residenti tan-Nofsinhar kienu tat-tieni klassi.

B’kuntrast, innota l-Partit Laburista, dan il-Gvern mal-ewwel beda jwettaq proġetti pożittivi biex jagħti lura d-dinjità lil din iż-żona. Għalaqna l-powerstation tal-Marsa, wasalna biex dalwaqt neliminaw l-użu taż-żejt fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, se nwaqqgħu ċ-ċumnija l-antika ta’ Delimara, bdejna l-proċess biex inneħħu t-tankijiet tal-gass f’Birżebbuġia, attirajna lejn is-South l-akbar investiment dirett barrani fl-edukazzjoni, tajna pitch tal-waterpolo u tal-football lill-kommunita ta’ Birżebbuġia, ħabbarna r-riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk u tant iktar.

Simon Busuttil mhux kuntent b’din il-bidla pożittiva. Għalhekk “ixxokja ruħu” meta sema lill-Prim Ministru jgħid li ma jaqbilx li jitkabbar il-Freeport. Is-“sajjetta fil-bnazzi” kienet biss għar-residenti, wara li semgħu kif il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa kommess li jżid it-tniġġiż fin-naħa ta’isfel ta’ Malta.

Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern li kien jagħmel parti minnu Simon Busuttil ħafer il-kumpens impost mill-MEPA fuq il-Freeport biex isiru proġetti ambjentali fil-kommunità. Dan il-Gvern, b’differenza, se jinsisti li l-Freeport tħallas il-kumpens ta’ miljun ewro biex il-familji u n-negozji jingħataw in-nifs.

Filwaqt li Simon Busuttil ma jimpurtahx minn naħa ta’isfel ta’ Malta, dan il-Gvern se jibqa’ jaħdem biex iż-żoni kollha ta’ pajjiżna, inkluż is-South, joffru kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Kulhadd jiftakar li l-PN meta kien fil-gvern kien l-ghadu numru wiehed tal-ambjent. Jekk hawn xi hadd li nesa Jew emmen lil SB meta tkellem dwar l-ODZ malajr sab lill-istess SB ifakkru!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend