Togħma ħażina u qrusa | One News

Notifiki

Togħma ħażina u qrusa

Ma kienux kannoli li vvintajt! Spiċċajt b’tlett kannoli sħan, bl-irkotta u lewż jiġru mal-kaxxa bajda li tal-ħanut għamilhomli fihom u naħseb anki riħa ta’ qrusa bdiet ħierġa minnhom. Imma x’il-maduma trid tagħmel! Mea culpa, mea cupla mea grandissima culpa.

Insomma naħseb il-qrusa tal-kannoli kienet qed tikkumplimenta l-qrusa li hawn bħalissa fil-pajjiż. Minn settur partikolari. Għax fuq l-aħbeċ qrusa konna qegħdin nitkellmu, jiena bil-kaxxa tal-kannoli f’idi, Manuel u Karmena ta’ quddiem il-Knisja. Imma ħa nibda mill-bidu.

Mela wara li bħas-soltu dort mas-sebgħa ġurnali ta’ kull nhar ta’ Ħadd, kilt u ntfajt ftit imxaħxaħ, taf inti wara platt timpana home-made u naqra nbid ma jkollok aptit tagħmel xejn aktar. Imma ħej, ix-xitan daħħal denbu anki waqt is-suppost sjesta. Kif kont mitluq beda jiġi l-aptit ta’ xi ħaġa tajba. Żgur li għaddejtu minnha din! U għalxejn bdejt nipprova ntajjar il-ħsieb minn quddiem moħħi, għax bqajt nara l-kannoli tal-irkotta ta’ Victor tan-naħa ta’ fuq u belgħa te’ quddiem għajnejja.

Biex ma ntawwalx, hekk kif ġejt lura w ipparkjajt b’diffikultá bħas-soltu, mill-windscreen rajt lil Manuel bil-qiegħda fuq banketta taħt it-tieqa ta’ Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel. Kemmixt naqra moħħi, għax mhux soltu nara l-Manuel hemm. U fl-istess ħin għajni għokritni li kien hemm xi ħaġa mhux tas-soltu! Ħriġt mill-karozza u hekk kif se nsellem lil Manuel, daqs żewġ metri ‘l bogħod minni, biex imbgħad nidħol ġewwa u nitfa’ l-kitla fuq in-nar għal belgħa te’, hekk kif qed ngħolli idi, ħarġet Ċensina mill-bieb.

“Ukoll, tgħolli idek, Ajtjen ħi”, ejja naqra ‘l hawn ħa nġiblek banketta u naqa nbid, u għax irrid ta, mhux għax għollejt idek. Mela ħsibtni xi wejter jew!”. Għalxejn ipprotestjat bl-edukazzjoni kollha, għax wara ftit spiċċajt mingħajr ma ridt, kwazi mbuttat fuq il-banketta b’tazza nbid f’idi u kaxxa bajda bi tlett kannoliet jitbandlu f’idi l-oħra. “Ħa nġibilkom naqra karawett”, kompliet Ċensina, hekk kif tagħtna dahrha u reġgħet daħlet tfekren ‘l gewwa.

Ħarist lejn Manuel. “Tistaqsinix, għadni kif għaddejt minnha jien ukoll!” qalli, filwaqt li ressaq lejn xuftejħ it-tazza u ħa belgħa nbid. “Int ħarist lejn it-tieqa?”, reġa’ mill-ġdid. Ma kontx ilħaqt ħarist qabel ma spiċċajt patatti mal-banketta. Qomt, u hemm imdendla ma’ biċċa fildiferru kien hemm kartuna maqtugħa bl-addoċċ minn xi kaxxa, bil-kliem “Ta’ Ċensina” miktuba b’felt pen fuqha.

Kif dawwart rasi lejn Manuel, tbissem.

“Poġġi hemm, fejn se tlebbet!” Ngħidilkom id-dritt qatgħetni ftit, għax ma ħassejtiex ħierġa lura. Kompliet Ċensina, “Poġġi hemm, ħa noqgħodu nparlaw naqa, għax hemm bżonn”. Kif spiċċat poġġiet plattina bil-karawett fuq il-kaxxa tal-kannoli li kelli f’idi u fil-pront għafsiti minn spallti ‘l isfel sakemm patatti reġgħet spiċċat mal-banketta. Ħassejtni qisni kummidjant… le le… mhux dak li qed taħsbu inthom… imma kummidjant taċ-ċirklu nipprova nibbilanċja l-affarijiet f’idi.

“Hekk, ħalli jekk irid Ċensu Galea jibgħat il-pulizija ħalli jinvestigawna”, tefgħet l-ewwel waħda Ċensina, filwaqt li xappet naqra xuftejha bis-seven up. “Ara ma jonqoshomx x’jivvintaw ta”, kompliet hi u tgħaddi ilsiena minn fuq xoffitha ta’ taħt. “Irid lill-pulizija tinvestiga lil dawk li jkunu quddiem il-ħwienet tax-xorb issa! Għandu jkun Sajmin qed itihom il-vjagra lil ta’ madwaru u ta’ taħtu għax kulħadd qed iqum…”

“Int tgħasarha l-għenba Ċens?”, dħalt fin-nofs jien.

“Kont se ngħidlek x’nagħsar Ajtejn!”, ħarset lejja b’doża ta’ ċiera Ċensina, “Int trid titmejjel bija jew?”

 “X’inhi din tal-vjagra, Ċens?”, staqsa Manuel, hu u jħares lejja. Salvani!

“U mhux vera jew. Dawk li kienu ilhom jongħosu ħamsa u għoxrin sena sħaħ issa qed iqumilhom għal kollox u għal kull ħaġa, Lel!”, bdiet tispjega Ċensina. “Ċensu qed itih għal dawk li jkunu bil-qiegħda quddiem il-hwienet tax-xorb, roqgħa trab li ilha hemm minn żmien Eddie, issa qed jipprotestaw fuqha, donnu kollox f’dawn l-aħħar tlett snin inqalgħa f’dan il-pajjiż!”

“Imma issa qed tiggrava Ċens”, nibex Manuel, “għax lanqas tgħum ma tista’ tmur hux!”

“Ara ma tiftaħlix kotba ta!”, wieġbet Ċensina hekk kif qamet minn bil-qiegħda u ħarġet pala t’id b’ħames swaba’ u fuqhom ħames difrejn impittra qishom il-luna park tal-Gżira. “Pawlina, Pawlina, Pawl…”, għajtet Ċensina lejn il-kantuniera. “Pawl, int qed tiddejjaq tmur tgħum ħi?”

Pawlina kellha tersaq ħdejna biex tisma’ għax kienet tbagħti ftit, u dlonk spiċċat bil-qiegħda b’tazza luminata f’idha, hi wkoll.

“Qed tiddejjaq tmur tgħum Pawlina ħi?” reġgħet staqsiet Ċensina. “Għax jaħasra f’daqqa waħda hemm min qed jiddejjaq mur fil-pubbliku għax jispiċċa fuq blogg b’xi ritratt bil-bikini, ħaħ ħa ħaj”.

Manuel tbissem għax hemm ried jasal, ja xifajk li hu. Jien kont għadni b’taxxa f’id u kaxxa bil-kannoli u plattina karawett ibbilanċata fuqha u Pawlina tħares lejna ċċassata b’tazza luminata f’idejha, mistrieħa fuq ħoġorha.

“Ara qegħdin sew ta’, kif Alla jrid jarana!”, kompliet Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel. Issa jew qed iħossu moħhom bis-sħana li qed tagħmel, jew minnhom hekk! Bħal dalgħodu. Beda jitkellem u l-qrusa ħierġa minn ħalqu. Iż-żjara ta’ Joseph tagħna għal Singapore, biex ikompli jkattar il-ġid għal Malta tagħna, għandha togħma hażina qalilna ħej!”

Il-mazz kien f’idha issa. Xogħolna kien biss li nisimgħu, nxarrbu xoffitna u naraw kif il-mniegħel se ndabbru rasna ‘l hemm.

“Togħma ħażina għax qiegħed fl-Oppożiżżjoni imma u qed jara ‘l Joseph tagħna jibbrilla”, kompliet Ċensina. “Dik it-togħma ħażina li għandu, togħma ta’ qrusa imma! X’kull waħda u x’kull waħda! Jew ara kemm huma ipokriti u jinsew x’ikunu għadhom kemm kakkew minn ħalqhom, qed jgħid li jinsab ixxukkjat li Joseph tagħna ma jridx il-Freeport jespandi u jumejn ilu kien ixxukkjat li qed tinqered l-art Ow Di Żett, Puuu kemm qegħdin sew jaħasra! Jew jiġi jmeri lil Prim tagħna li l-faqar mhux vera qed jonqos”.

Manuel kiser is-silenzju min naħa tagħna. “Jien ma Sajmin naqbel hawn Ċens ta!”

Ċensina kienet se tiggranfah li kkuntrarjaha. Għalhekk kompla fil-pront. “Il-faqar mhux vera spiċċa, Ċens. Il-faqar politiku li għax l-għeneb huwa qares, mela nkisser u nfarrak u nopponi, jikber qiegħed ta!”

Ma dan il-kliem Ċensina faqqgħet daħka, qamet bil-wieqfa u donna bdiet tagħmel il-mossi li se tagħlaq il-ħanut. Ħadna l-okkażjoni.

“Ħallejnik Ċens” qal Manuel, hu u jħemiżni u hekk kif libbes it-tazza vojta tiegħu fit-tazza tiegħi. Pawlina, li ma qalet xejn tul il-konverzazzjoni kollha, sellmet u telqet u jien spiċċajt l-aħħar wieħed donni pupu tal-Pokemon lest biex taqbadni Madame la Ċens!

“Ara dan ma messx karawetta waħda! U le x’int skantat ruħi, ġib ‘l hawn ħa nidħol ‘l ġewwa!”.

Għażilt li ma ngħid xejn. Imxejt żewġ bibien ‘l fuq u dħalt f’dari. Kaxxa kannoli sħan, bl-irkotta mdewba mal-frak tal-karawett u riħa ta’ qrusa ħierġa minn ġol-kaxxa! Kif armejtha fil-barmil taż-żibel ġieni ħsieb.

Simon. Dear Simon, Armi int ukoll il-qrusa u kun kemm kemm aktar kredibbli, ħa taqta’ figura ferm aħjar, sabiħ!

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend