Iwieġbu ta’ Said… id-dokumenti jmeruhom – One News

Notifiki

Iwieġbu ta’ Said… id-dokumenti jmeruhom

Sa fl-aħħar bdew jiksru s-skiet tagħhom. Fl-aħħar sigħat bdew iwieġbu l-membri tal-familja Said dwar il-mod kif mexxew u għadhom imexxu l-Kunsill Lokali tan-Nadur.

Donnu li dak żvelat il-Ħadd filgħodu l-gazzetta KullĦadd – il-fatt li ħu Chris Said rebaħ kuntratt b’kumpanija magħluqa – laqat iktar fil-laħam il-ħaj tant li l-ewwel risposta rċivejniha mingħand Peter Paul Said.  Il-bniedem li tħallas wara li rebaħ sejħa għall-offerti permezz ta’ kumpanija li mal-MFSA hija xolta.

Kitbitilna martu, Marthese Said, u qaltilna:

“L-artiklu li jibda fil-faċċata ta’ quddiem tal-gazzetta KullĦadd tal-lum il-Ħadd 24 ta’ Lulju 2016, repetut fis-sit one.com.mt huwa totalment inkorrett u bbażat fuq fatti totalment żbaljati.

It-tender li ssir referenza għalih ntefa’ f’isem Peter Paul Said personalment, u mhux f’isem xi kumpanija, kif allegat b’mod żbaljat fl-artikli tagħkom. Fl-ebda ħin ma ntuża l-isem ‘Said Construction Limited’. Dan jista’ jirriżulta mid-dokumenti kollha li huma għand il-Kunsill Lokali tan-Nadur u li jien ghandi kopja taghhom f’ idejja ghaliex meta nitfa’ t-tender ta’ xi Kunsill jew tal-Gvern nzomm kopja ta’ kollox.

F’isem ir-raġel, jiena lest li nibgħatlek kopja tad-dokumenti kollha li jipruvaw dak li qed nindika aktar ‘il fuq.

F’dan id-dawl, nitolbok biex l-istorja tiegħek titwaqqaf b’mod immedjat minn fuq is-sit one.com.mt u l-artiklu tal-KullĦadd ma jibqax jiġi riprodott fuq kwalunkwe media li int responsabbli għaliha. Fin-nuqqas ta’ dan, ma jkolli ebda triq oħra ħlief li nieħu passi legali kontrik bħala Editur u kontra l-media li inti tmexxi.”

Iżda, d-dokumenti li għandna f’idejna huma ċari kristall. Il-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Lokali juri iswed fuq l-abjad kif ir-referenza ma kinetx personali iżda għall-kumpanija.

dokumenti

 

Issa, wara r-risposta ta’ Said nistgħu niżvelaw dokument ieħor. Dik li tissejjaħ ix-schedule of tenders. Hawn ukoll tissemma Said Construction u mhux Peter Paul Said.

skeda

 

 

Intant, wieġeb ukoll Edward Said. Is-Sindku ta’ bħalissa. Dak li kompla wara Charles Said li fi żmienu Peter Paul Said ħa 139 biċċa xogħol. Edward Said qalilna:

Il-kampanja qalilha li qed jagħmel il-Partit Laburista fil-konfront tiegħi u tal-eks Sindku tan-Nadur – kollha gideb u affarijiet ivvintati – hija intiża biss biex ittappan il-ħidma li saret, qed issir u baqala’ ssir b’risq ir-residenti kollha tan-Nadur.

Fil-15-il xahar li ilni Sindku, ħdimt bla waqfien fuq proġetti u inizjattivi differenti li minnhom gawda n-Nadur kollu. Kull min ħadem miegħi jaf li l-ħidma tiegħi bħala Sindku mhux talli mhix diskriminatorja, iżda talli hija waħda inklussiva.

F’din il-legislatura rajna li ntejbu l-livell ta’ kull inizjattiva mibdiha minn kunsilli precedenti, naghmlu pjan serju ta kif ghandu jimxi l-istess Kunsill fis-snin li gejjin, ghalaqna l-progett gdid tal-Pjazza ewlenija fir-rahal, u ftahna l-bibien berag ghal kull persuna li trid tahdem u tinvolvi ruhha.

Eżempju ċar tal-indipendenza fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali huwa l-fatt li kull darba li kien hemm xi qarib jew qariba tiegħi li pparteċipat f’tender maħruġ mill-Kunsill Lokali, f’ġieħ it-trasparenza u l-governanza tajba, jiena dejjem ħriġt ‘il barra mill-laqgħa tal-Kunsill Lokali sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tender partikolari. Nirrepeti li qatt ma ħadt sehem f’deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tan-Nadur li kienet tinvolvi xi ħadd qarib tiegħi.

Nappella lill-Partit Laburista biex flok ikompli jigdeb u jħammeġ ix-xogħol siewi li qed isir fin-Nadur, jagħti l-kontribut tiegħu biex in-Nadur ikompli jissaħħaħ mhux biss fl-interess tan-Nadurin, iżda fl-interess ta’ kull Għawdxi u Għawdxija.

Ladarba ta’ Said bdew jitkellmu nixtiequ li jwieġbu dawn il-mistoqsijiet.

Huwa etiku li ħu Sindku jieħu eluf f’kuntratti mill-istess kunsill?

Mal-139 biċċa xogħol li żvelajna sa issa, kemm hemm iktar?

Huwa etiku li Sindku jiċċertifika x-xogħol li għamel ħuh?

Għaliex ma twaqqafx il-kumitat tal-finanzi kif titlob il-liġi?

Għaliex il-Kunsill tan-Nadur spiċċa f’qagħda finanzjarja mwiegħra tant li kien imwissi mill-Awdituri?

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend