AĠĠORNATA: “Aħna mhux se niefqu nfittxuk” – One News

AĠĠORNATA: “Aħna mhux se niefqu nfittxuk”

Mike Mansholt, Ġermaniż ta’ tmintax-il sena, ġie rrapurtat nieqes lill-Pulizija nhar it-Tnejn 22 ta’ Lulju. Huwa deher l-aħħar fit-tmintax ta’ Lulju f’lukanda f’Tas-Sliema.

Dan il-ġuvni kien f’pajjiżna għal btala.

Fuq il-mezzi soċjali, ħabiba ta’ Mike kitbet li huma nkwetati ferm anke peress li fil-lukanda nstab il-passaport ta’ l-istess ġuvni. Hija appellat biex kull min jara lil Mike jikkolabora mal-awtoritajiet Maltin.

Mike Mansholt huwa rqiq, twil 1.66 metru, b’xagħar qasir aħmar u għajnejn blu.

Il-Protezzjoni Ċivili għaddejja bit-tfittxijiet tagħha għal dan il-Ġermaniż, fejn saħansitra qed jintużaw il-klieb imħarġa apposta, u ntalbet ukoll l-għajnuna tal-volontiera kollha tagħha. Flimkien mal-armata qed issir tfittxija ukoll viċin il-kosta permezz ta’ dinghy.

 

Il-familjari ta’ Mike, ħeġġu lin-nies biex iżommu għajnejhom miftuħa u li qed jiddependu fuq il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom biex jgħinuhom isibu lil dan il-ġuvni. Huma ddeskrivew lil dan il-ġuvni bħala wieħed ferrieħi u li jieħu gost jiskopri postijiet abandunati. Il-familjari ta’ Mike għaddew messaġġ mimli emozzjoni lil dan iż-żgħażugħ, li fih qalulu li jinsab fejn jinsab l-imħabba u l-appoġġ tagħhom qegħda miegħu. “Aħna mhux se niefqu nfittxuk, il-bambin jinsab miegħek.”

Kull min għandu xi informazzjoni dwar Mansholt jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anki b’mod kunfidenzjali, billi jċempel fuq in-numri ġenerali tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li huma 21224001 jew 119.

Wieħed jista’ anke jgħaddi informazzjoni fi kwalunkwe` Għassa tal-Pulizija.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend