Il-kirjiet fuq l-aġenda tal-Gvern | One News

Notifiki

Il-kirjiet fuq l-aġenda tal-Gvern

It-tħassib ta’ diversi familji minħabba l-kirjiet li qegħdin jgħolew huwa fl-aġenda tal-Gvern. Tkellem dwar dan il-Prim Ministru, Joseph Muscat, meta kien qed jiehu sehem fil-programm Għandi Xi Ngħid.

Spjega kif filwaqt li sa erba’ snin ilu l-ikbar tħassib kien jirriżulta mill-kontijiet tad-dawl u l-ima, illum huma diversi dawk li qed jinkwetaw kif se jlaħħqu mal-kirja tal-post tagħhom. 

Għax filwaqt li l-Gvern raħħas il-kontijiet tal-enerġija, jirriżulta li l-privat żied il-prezz tal-kirjiet, anke minħabba li d-domanda żdiedet sforz it-tkabbir ekonomiku bla preċedent.

Iżda, mhux biss. Il-Maltin qed jikkompetu ma’ barranin għall-istess kirjiet u f’ċerti każi kien hemm ukoll abbużi minn sidien li ddikjaraw it-taxxa fuq min kera l-post.

Quddiem dan kollu l-Gvern qed janalizza x’azzjoni jista’ jieħu.

Irrifletta wkoll dwar l-isfidi fil-qasam internazzjonali. Fosthom fit-Turkija fejn tkellem kif il-mandat demokratiku jrid ikun irrispettat.

Mistoqsi dwar ir-reazzjonijiet eċċessivi tal-President Erdogan, il-Prim Ministru saħaq li l-mexxejja Ewropej lkoll qablu mhux aċċettabbli li pajjiż jipponta biex jidħol fl-Unjoni Ewropea jaġixxi b’mod eċċessiv.

Fejn tkeċċew edukaturi u qamet it-theddida tal-piena tal-mewt. Saħaq li jekk it-Turkija tkompli miexja f’din id-direzzjoni għandhom jieqfu b’mod immedjat it-taħdidiet għal sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Fil-programm il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-liġijiet maħsuba biex tissaħħaħ il-governanza, ir-riforma fil-mod kif jinħatru l-ġudikanti, is-suċċessi fil-qasam tal-impjiegi u t-traffiku fost oħrajn. Kollha temi li jiġbru l-aħħar żmien ta’ ħidmet il-gvern.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend