Festi, folol u ħarsien kontra kull għawġ – One News

Notifiki

Festi, folol u ħarsien kontra kull għawġ

Għadu kemm għalaqna ġimgħa xejn isbaħ minn ta’ qabilha, bi kriminali imġienen jiġru mas-saqajn fejn jaħsbu li jsibu l-folol. Munich, għalkemm fuq skala iżgħar, xejn ma kien isbaħ minn Nizza li ma kienetx isbaħ minn ta’ qabilha f’dawn l-aħħar sentejn. L-Ewropa tidher taħt attakk konsistenti minn individwi, gruppi spirati minn Daexx (ISIS) li ssikkata kif inhi fit-territorju tagħha tidher qed tiżvoga, iddisprata, fuq kommunitajiet innoċenti, inkluż nisa, tfal u anzjani. Gwerra inġusta f’għajnejn ħafna, għax mhux qed tattakka miri militari. Imma fil-gwerer qatt ma ssib ġustifikazzjoni raġonevoli.

Copycat crime

Skont il-listi kollha ta’ prekawzjoni li rajt dawn l-aħħar xhur Malta tidher l-unika destinazzjoni fiż-żgur fil-Mediterran iżda dan m’għandux għax iserrħilna moħħna li qatt hu se jinqala’ xejn, allavolja nitolbu li hekk ikun għal dejjem. Dak li jistgħu ma jagħmlux terroristi radikalizzati mil-Lvant jista’ jseħħ minn xi ħadd li ma jkunx f’siktu u allaħaresqatt jitħajjar fis-sens ta’ copycat crime.

Filwaqt li għandna nkunu nafu x’inhu jiġri kull fejn iseħħ l-għawġ terrorista xorta jibqa’ r-riskju li mħuħ maħsula b’xi ideoloġija vjolenti jagħmlu kurraġġ, jitħajjru u jissugraw jiksbu notorjetà ġħax jafu li hekk biss jistgħu qatt isiru l-‘eroj’ li jaħsbu li jkunu f’isem xi twemmin imgħawweġ kemm hu mgħawweġ. Ma tistax ma tintebaħx li ż-żewġ attentati tal-Ġermanja – fuq it-tren u fil-kumpless tax-xiri/metro tal-Olympia fil-Baviera (fejn fl-1972 inqatlu atleti Iżraeliti minn terroristi Palestinjani) – huma każ ta’ xi ħadd li għamel kurraġġ bil-popolarità ta’ dak li twettaq Nizza. L-għama jmexxi l-għama.

Il-biżgħa m’għandhiex fruntieri. Aħna f’Malta, esposti għal xeni ta’ massakri u biki, ilkoll qed inħossuna mwerwra, imdejjqa, anzjużi. Bla ma rridu qed nosservaw u nieħdu deċiżjonijiet li jista’ jkunu riżultat ta’ dak li impressjonana l-aktar. Bla ma wieħed jixtieq iżeffen lil pajjiżna – kwiet, mhu involut f’ebda taqbida militari, bla imgħoddi  vjolenti u bil-kemm issibu fuq il-mappa – wieħed ma jridx jagħmel bħan-nagħma li tidfen rasha fir-ramel biex ma tarax dak li jdejjaqha.

Soċjetà militarizzata

Imqar matul is-sajf l-għadd ta’ avvenimenti sbieħ li norganizzaw – kemm-il festa fl-irħula kif ukoll dawk kulturali-divertenti – jiġbru n-nies. Ix-xtut tagħna jiġbdu n-nies; ir-ristoranti jiġbdu n-nies, l-aktar dawk qrib il-baħar. It-trasport pubbliku jiġbor in-nies, ċerti linji tal-bajjiet u l-lukandi aktar minn oħrajn. L-ebda kommunità Ewropea ma tixtieq iċċedi taħt pressjoni u ssir socjetà militarizzata. Iżda bla ma nafu bosta bliet kbar Ewropej propju dak li qed jagħmlu. Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Lulju Munich għalqu l-metro, waqqfu t-trasport pubbliku  u ibblukkaw it-toroq ewlenin, saħansitra żvujtaw id-dħul tal-autostrada lejn belthom biex il-pulizija, is-suldati jkollhom aktar libertà jfittxu b’urġenza. Aktar minn hekk: talbu liċ-ċittadini Ġermaniżi u t-turisti jingħalqu fil-lukandi, f’darhom. Saħansitra talbu lil dawk li jgħixu barra miċ-ċentru tal-belt – u xi wħud jgħixu anki mal-50 kilometru f’subborgi mbegħda – biex għal dak il-lejl jiġu milqugħa fid-djar ta’ nies li jgħixu fil-belt b’sistema tal-Internet li tiftaħ il-bibien għal refuġjati mit-terroriżmu.

B’xorti tajba, ftit minna esperjenzaw atti ta’ terrositi jekk mhux barra l-pajjiż. Personalment niftakar joħorġuna l-pulizija b’urġenza minn ristorant u darb’oħra minn ċinema f’Leicester Square Londra fis-snin 70 minħabba avviż ta’ bombi tal-Armata Repubblikana Irlandiża. Niftakarni f’nofs is-snin 80 dieħel bit-tren fl-istazzjon tal-metro Saint Michel Pariġi u t-tren tieqaf ftit metri qabel, fid-dlam ġo mina għax splodiet bomba ġo reċipjent taż-żibel dħul l-istazzjon. Ħarġuna f’ħafna duħħan minn mina iżgħar li kienet twassal għal ħruġ ta’ emerġenza ftit passi ‘l bogħod mill-inċident.

Minn dak in-nhar sal-lum l-awtoritajiet Pariġini jużaw biss boroż trasparenti mdendla bħala reċipjenti tal-iskart biex jekk xi ħadd ifettillu jpoġġi xi bomba fihom tidher minn kulħadd. Kull belt ewlenija daħlet is-sistema ta’ rispons tagħha bħalma rajna Munich il-Ġimgħa: fi ftit minuti biss waslet is-siġurtà f’numri biżżejjed biex twaqqaf il-massakru.

Nar u trasport f’Malta 

X’nistgħu nagħmlu aħna biex nilqgħu għal kull eventwalità? Qed nagħlqu ċerti toroq ewlenin meta jkun se jittella’ n-nar tal-festa. Mhix b’ironija qed ngħid dan. Anzi pass għaqli jekk dak il-logħob tan-nar iġib miegħu sogru; iżda wasal iż-żmien li nistudjaw bis-serjetà l-limiti li għandna nagħmlu lilna nfusna fejn nafu li nkunu qed nilagħbu man-nar jew li qed jinġabru l-folol. L-aktar żewġ postijiet li jġiebu frustrazzjoni ta’ għeluq ta’ arterji żgur huma l-Imsida (fejn mara se twelled inqabdet fi traffiku qrib l-isptar dis-sena) u San Ġiljan. Ma nafx kemm hu għaqli nibqgħu marbuta mat-tradizzjonijiet tagħna bla ma nġiebu quddiem għajnejna x’jiġri f’każ ta’ emerġenza kollettiva. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed nintebħu li bħal fil-każ ta’ Nizza min jattakka spiss ikollu pjanijiet wara osservazzjonijiet fuq drawwiet in-nies tal-lokal fit-tul.

La semmejna l-arterji ewlenin f’pajjiżna ta’ min ukoll jagħti każ it-trasport pubbliku, li kulma jmur qed jagħmel progress pożittiv u ta’ min ifaħħru. Madankollu ma nifhemx kif ir-rotta ta’ San Ġiljan u tas-Sliema – li probabbli tipprovdi l-aktar dħul finanzjarju lill-kumpanija – tippermetti nies imrekkbin bil-ġzuz litteralment qieshom sardin, bix-xufier jgħajjat mal-passiġieri qiesu qed imexxi ġgajta ħallelin lejn il-Belt.

Barra l-iskumdità li tibqa’ f’xemx tiżreġ tistenna xarabank, wieħed wara l-ieħor għaddejjin ippakkjati kull ħin matul il-ġurnata (addio l-app li tgħidlek xħin ġejja), spiss titla’ fuq ir-rotot 13, 14 u 16 imkaħħal ma’ folla li ma l-iċken skoss tinqaleb fuq xulxin kif ġara kemm-il darba. Biżżejjed xufier għajjien biex x’imkien jagħfas brejk tard jew jaljena rasu biex ikollok diżġrazzja b’numru ta’ vittmi. Ma nifhemx għaliex rotot li rari jiġu ffrekwentati (eż: 110) jibqgħu jserrpu mis-sebħ sad-dlam f’diversi toroq dojoq is-Swatar u ta’ Paris (b’detriment għall-istess vettura) bla ma tgħabbi u tniżżel lil ħadd, biex minn tas-Sliema twasslek Birkirkara f’aktar minn siegħa. Għala rotot imwaħħla fit-traffiku bla loġika jingħalqux u l-frekwenza tiżdied fejn hemm domanda bla qies. Ir-rotta 110 tgħaddi wkoll l-isptar imma allaħares anzjan jirkeb lilha għal xi appuntament għax sakemm jasal ikollu bżonn ambulanza! Fis-sajf it-turisti f’San Ġiljan u tas-Sliema jiżdiedu bl-eluf. Huwa prinċipju li rotot tal-linja jżommu ma’ toroq ewlenin; hu prinċipju ieħor ta’ kull suq li n-negozju u s-servizz jgħidlek oħloq servizzi fejn hemm id-domanda (demand and supply). Żdiedu diversi servizzi fuq diversi rotot iżda das-sajf fejn l-aktar żdiedu l-klijenti s-servizzi mhux qed ilaħħqu. Mhux sew tibqa’ għaddej qiesu ma żdied ħadd.

Il-festi fl-irħula barra l-logħob tan-nar jiġbru l-folol, xi drabi filgħodu f’xemx taqli l-ġrieden bil-flixken tal-birra (fejn ħafna żgħażagħ jibdew karriera tax-xorb) u mhux l-ewwel darba quddiem membri tas-sigurtà. Wasalx iż-żmien li min jorganizza avvenimenti bħal dawn irid jaħseb – barra l-pulizija – għal servizz ta’ sigurtà biex jikkontrolla lil dawk li jappoġġjaw lil dak il-każin jew ieħor. Dan isir tajjeb ħafna mill-FIFA fil-futbol fejn il-fans jitqiesu responsabbiltà tat-tim li jappoġġjaw. Għax m’għandniex insaħħu s-siġrutà, insiru aktar accountable b’vantaġġ għal kulħadd u l-pulizija nużawhom għal skopijiet, imqar fl-istess avveniment, aktar utli kontra kull eventwalità ta’ xi għawġ maħsub?

Reklutaġġ ta’ riżervi?

Fi bliet turistiċi l-aktar qrib il-baħar dis-sena ta’ min ifaħħar l-inizzjattiva tal-pulizija tat-turiżmu. Ideja brillanti. Naħseb għadna fi stadju ta’ prova u għalhekk wieħed irid jerfa’ l-ġudizzju għal aktar tard; s’issa d-dehra tagħhom għadha modesta ħafna. U din iġġiebna għall-argument tal-korpi tas-siġurtà. Bosta pajjiżi Ewropej għandhom ir-riżerva. Das-sajf Franza qed iddur għalihom; ittihom xogħol ta’ kontroll tal-folol, iċċekkjar ta’ x’jista’ wieħed iġorr f’avveniment. Filwaqt li ċerti kontrolli privati u pubbliċi jsiru f’avvenimenti li jħallu l-qliegħ (bħall-kunċerti kbar) ta’ min jistaqsi wasalx iż-żmien li din id-drawwa tixtered iżjed. Nistaqsi wasalx iż-żmien li l-pajjiż għandu jirrekluta aktar voluntieri, iħarriġhom u bla ma jinħoloq ebda paniku nkattru l-forzi ċivili biex nilqgħu għal kull għawġ inkluż, allaħaresqatt, diżastru naturali.

Il-fatt li ngawdu t-trankwilità mħux biżżejjed. Dal-jiem il-gvern ħabbar li se jirrevedi l-multi tat-traffiku (wara li mietu ħdax-il ruħ fit-traffiku dis-sena). Magħhom ta’ min iżied il-patrols li l-preżenża tagħhom isservi ta’ detterent u tgħin l-edukazzjoni fit-tmexxija tat-traffiku. Bħal ma jgħidu l-edukaturi, il-bastun jgħin iżda ma jgħallimx daqs it-tagħlim innifsu.

Ir-ritratt tal-ġimgħa jfakkarna fil-festi (hawn tal-Karmnu l-Belt dis-sena) fejn jinġabru folol biex jifirħu bil-festa tagħhom. L-għassa għal kull eventwalità das-sajf meħtieġa aktar minn sjuf oħra.

karmnu

Ir-ritratt f’ras il-blog juri folla żgħira tistenna biex tidħol San Ġwann il-Belt qrib il-monument nazzjonali tal-Assedju. Ta’ min ikollna sigurtà biex tħares fejn jinġabru folol turistiċi?

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend