Poke (Si)mon Go | One News

Notifiki

Poke (Si)mon Go

Bħalissa kulħadd ifittex il-pokemon. Smajt bi stejjer li barra minn Malta kien hemm min ħabat bil-karozzi, xi ħadd kaxkar xi stage miegħu u f’Malta, min taparsi sab wieħed f’xi wc f’Għawdex. Kulħadd iridu lil Pokemon. Nammetti li l-logħba, jekk trid isejjħilha hekk, għadni ma fhimtiex mija fil-mija u miniex ċert lanqas jekk hux din il-fuss li hawn fuqha hux esaġerat, iżda bħal kollox, illum pokemon, ilbieraħ yolo, ilbieraħt’lura planking u d-dinja sejra hekk.

Pero f’Malta qed nilgħabu logħba oħra wkoll. Dejjem inkunu avant garde aħna. Qed nippruvaw inftttxu l-kredenzjali tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-problema tal-logħba, hija li qabel tibda tkun ġa tlift, għax il-kredenzjali ma ssibhom imkien. Fil-logħba lanqas għandek għalfejn twaddab poke balls, għax b’Simon Busuttil flok titla’ level, tinżel għoxrin. Bizzejjed tara dak li jgħid u tqabbel ma’ dak li jagħmel. Il-poplu jitlef dejjem b’Simon, għax ma tistax tieħdu bis-serjetà.

Għal xi wħud il-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċawlu l-poke balls u m’għandux xi jwaddab, iżda għal ftit oħra waddbilhom mażra mhux ballun, Giovanna waħda minnhom. (dan lil sħabu stess e, għax ta’ kontrih, jagħmlu x’jagħmlu jgħidilhom biex jitilqu).

Il-logħba tibda fl-MIC. Busuttil jieħu paga ma nafx kemm il-darba aktar mill-Kummissarju tal-Pulizija, Avukat Ġenerali u saħansitra aktar mill-Kap taċ-Ċivil. Hemmhekk daħħal miegħu daqs Ministeru persons of trust. Fl-MIC ukoll il-logħba tissokta bid-direct orders fejn fost oħrajn ingħata direct order lill-kumpanija li qiegħed fiha huwa stess bħala Direttur.

Wara l-MIC mar l-Ewropa, u mill-Ewropa spiċċa jdur fil-kċejjen, u mill-kċejjen spiċċa d-Dar Ċentrali u Kastillja bħala Viċi Kap. Bħala Viċi Kap u parti integrali mill-Gvern, weħlu miegħu fost l-ikbar skandli politiċi tal-pajjiż fosthom il-commissions fuq iż-żejt u l-€500 żieda. Dan għadna fl-ewwel żewġ levels!.

Wara l-elezzjoni, (it-tielet level mhux is-36,000 wieħed), il-midluk laħaq Kap u ssoktaw ħerġin l-iskelettri. Kellu każijiet tal-panelli ta’ George Pullicino, il-Mare D’Oro, il-garaxxijiet, l-imħażen, il-każin tal-PN ta’ Raħal Ġdid, il-gabbana fil-Mellieħa fost oħrajn ta’ Jason Azzopardi, kellu l-Palazz ta’ Beppe, il-gideb ta’ Claudio Grech fil-Parlament, il-villa ta’ DeMarco, Samuel Azzopardi li wara li siker, saq u kkundanatu l-Qorti reġa’ tefgħu Sindku, lil Joe Cassar li ħa tikka ta’ karozza u naqra CCTV (telaq waħdu), lil Toni Bezzina li miskin bagħat ftit ħaddiema l-każin tal-PN taż-Żurrieq u ġelgħhom jieħdu ġurament falz u issa lil sieħbu Chris Said, li sa ftit ilu kienu jaħbtu dahar ma’ dahar l-istamperija (jew li fadal minnha) u l-Eurotours (kien nesa jitfa’ l-formula tal-VAT miskin). Chris Said dilettant tal-Pokemon Go waddab xi żewġ poke balls lill-Kumitat tal-għażla biex jieħdu fondi Kunsilli li jrid hu, m’għandiex xi ngħidu l-aktar Għawdex u n-Nadur ovvjament!.

Kull każ qed jirrizulta: Game over għal Simon. Għax iparla ħafna u ma jagħmel xejn. M’għandiex dubbju li l-poplu daqt iwaddab poke ball oħra lil Simon fl-elezzjoni li ġejja. Simon Go imbagħad.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend