Sindku tal-PN ried il-liċenzja lura wara li saq xurban – One News

Notifiki

Sindku tal-PN ried il-liċenzja lura wara li saq xurban

Għas-Sindku tar-Rabat Għawdex, l-Avukat Samuel Azzopardi, ma kienx biżżejjed li reġa’ nħatar sindku wara li saq xurban u rrifjuta li joqgħod għal test tan-nifs. Dan għax talab lill-Qorti ta’ Għawdex biex, minkejja din il-ħtija f’każ fejn setgħu weġġgħu n-nies, tinħafirlu s-sospensjoni tal-liċenzja; sospensjoni ta’ sitt xhur.

Tagħrif esklussiv li ppubblikat il-gazzetta KullĦadd jgħid kif imkejjen fil-Korp tal-Pulizija kkonfermaw kif l-uffiċċju tal- Avukat Ġenerali u l-Pulizija opponew b’mod mill-iktar b’saħħtu għal din it-talba u l-Qorti, ppreseduta mill- Magistrat Joe Mifsud, ċaħdet din it-talba.

Samuel Azzopardi spiċċa fl-aħbarijiet wara li nhar l-14 ta’ Ġunju nstab ħati li pprova jsuq jew kellu kontroll ta’ vettura f’post pubbliku meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq. Dan minħabba l-konsum ta’ xorb. Agħar minn hekk, irrifjuta li jaghti l-kampjun tan-nifs, mingħajr raġuni valida.

Samuel Azzopardi kien irriżenja minn sindku u baqa’ jokkupa l-kariga ta’ kunsillier. Dakinhar, il-Partit Nazzjonalista kien qal li dan hu sinjal ta’ serjetà, iżda mbagħad kien żvelat li din ma kienet xejn għajr daħka fil- wiċċ għax Samuel Azzopardi baqa’ jkun innominat f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq il-Kumitat tar-Reġjuni tal- Unjoni Ewropea.

Azzopardi reġa’ sar sindku mill-ġdid minkejja s-sejbien tal-ħtija ta’ dawn iż-żewġ reati serji li għalihom kien ikkundannat multa ta’ €2000 u sospensjoni tal-liċenzja għal perjodu ta’ sitt xhur.

Il-gazzetta KullĦadd żvelat li l-Avukat Samwel Azzopardi talab bil-miktub lill-Qorti biex taħfirlu s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan l-għada tas-sentenza.

Ir-raġunijiet li ġab għal din it-talba kienu, fost oħrajn, biex ikun jista’ jlaħħaq jiġbor it-tfal għax għandu impenji regolari mal-Kunsill u diversi għaqdiet tal-futbol.

Ilmenta, fost oħrajn, li ma jistax ilaħħaq bl-iskariġġ bejn Malta u Għawdex u li b’tal- linja ma jistax jinqeda tajjeb biżżejjed.

Huwa qal ukoll li l-każ tiegħu ma kienx każ ta’ persuna li għandha problema ta’ alkoħol iżda każ uniku ta’ xi ħadd li “kien qed jissoċjalizza waqt tieġ”. Qal ukoll li huwa ma kienx se jappella mis-sentenza u li ħallas il-multa imposta.

Fir-risposta tiegħu, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oppona għat-talba u rrimarka li saret ġurnata biss wara li nstab ħati ta’ reati serji ħafna.

“Dan għax is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jista’ faċilment iwassal għal konsegwenzi ferm traġiċi mhux biss għall-persuna li tkun abbużat bi drink żejjed, iżda wkoll għal terzi persuni innoċenti li jkunu qed jużaw it-triq għall-affari tagħhom,” qal l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali. Raġunijiet simili tawhom il-pulizija.

Intant, f’dan il-każ ħafna baqgħu ma fehmux kif, kontra kif jiġri b’mod normali, il-protagonist tal- każ reġa’ ngħata l-kariga li kellu mal-mument li l-Qorti kkonfermat li kiser il-liġi.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend