Ironija mdemmija | One News

Notifiki

Ironija mdemmija

14 ta’ Lulju 1789 – il-poplu Franċiż jirrvela kontra s-simbolu tar-Reġim tat-Terrur, Bastillja, fejn ħafna kienu jinżammu arrestati.

14 ta’ Lulju 2016 – il-poplu Franċiż jikbi ġlieda oħra mitlufa ma’Reġim ieħor tat-Terrur, waqt li qed jiċċelebra l-ewwel gwerra mirbuħa 227 sena qabel.

X’ironija. Ironija mdemmija u ta’ swied il-qalb.

Il-poplu Franċiż jiċċellebra l-libertà, l-ugwaljanza u l-fraternità, filwaqt li l-pajjiż jinsab maqbud f’morsa. Anzi, mhux Franza biss, iżda l-Ewropa u d-dinja kollha. Attakk fuq xi pajjiż Ewropew ovvjament aħna nħossuh aktar, iżda dawn l-attakki ilhom għaddejjin kullimkien, insemmi l-iktar wieħed riċenti; it-Turkija.

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu trid tkun ġlieda ta’ kulħadd, ta’ kull min hu ra’ rieda tajba.

Metternich, statista mill-Imperu Awstrijak darba kien qal, “When France sneezes, Europe catches a cold”. Huwa kien qed jitkellem fil-kuntest ta’ rivoluzzjonijet li seħħew fi Franza wara r-Rivoluzzjoni Franċiża, fejn bl-eżempju ta’ Franza, ħafna pajjiżi bdew rivoluzzjoni f’pajjiżhom stess, uħud minn dawn ir-rivoluzzjonijiet waslu għal unifikazzjoni tal-Ġermanja u l-Italja fost oħrajn.

Iżda lil hinn mill-istorja, nerġa mmur fuq dik il-kwotazzjoni, kwotazzjoni li turi kemm Franza kellha saħħa u influwenza. Iżda llum, wara dan iż-żmien kollha, Franza tinsab għarkubtejha quddiem il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Hemm bżonn li jsir sforz akbar fuq livell internazzjonali, mhux għax seħħ attakk ieħor fil-qalba tal-Ewropa, tista’ tgħid f’pajjiż simbolu dejjiemi Ewropew biss, iżda għax it-terroriżmu m’għandux fruntieri, ma jħarisx lejn l-uċuħ u huwa bla skrupli.

Ma rridux nagħmlu l-iżball lanqas li mill-ewwel natribwixxu dawn l-attakki ma’ reliġjonijiet partikolari, l-ebda reliġjon ma jipprietka l-mibegħda lejn ħutu.

L-estremiżmu huwa l-ħazin, l-estremiżmu li jwassal għal ġrajjiet koroh u ta’ min jistkerrahom. Il-pajjiżi kollha għandhom jitgħallmu, aħna mhux b’inqas. Ma nistgħux nemarġinaw lil min jgħix magħna, sempliċiment għax ma jħaddanx kull ħaġa li nħaddnu aħna, għax jispiċċa li nies li twieldu fil-pajjiż stess, li huma tal-istess Nazzjonalità tiegħek, ikunu jobgħodu lil ġarrhom stess.

Filwaqt li bħalissa huwa l-ħin li nitolbu għal ħajjet dawn in-nies, u l-familji tagħhom, ma nistgħux nibqgħu nitolbu biss, ħlejna wisq ħin quddiem ix-xemgħat.

Wasal iż-żmien li fuq livell internazzjonali, b’mod kollettiv, isir sforz wieħed biex din ir-realtà tal-biża ta’ terrur, terrur li aktar minn 200 sena ilu l-istess poplu li llum qed isofri, kien iġġieled kontrih, ikun megħlub.

Hemm bżonn li issa mhux għax jagħtas xi ħadd niċċaqlaqu, iżda qabel ma jibda jħoss imnieħru ‘jieklu’ kif jgħidu, nagħmlu xi ħaġa llkoll.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend