Eżempju lill-pajjiż kollu | One News

Notifiki

Eżempju lill-pajjiż kollu

L-imħabba – dan hu l-unika mod li tista’ tfisser il-ġest li sar. Mument storiku għal pajjiżna, l-ewwel koppja gay permezz tal-liġi li daħħal dan il-Gvern, setgħet tadotta. Adottat tifel downs il-ġmiel tiegħu u tat tagħlima lill-pajjiżna ta’ xi tfisser l-imħabba.

Iċċassajt lejn dak il-wiċċ ħelu ta’ Ben, tifel li sab żewġ persuni li se jkunu qed jindukrawh u jagħtuh dak kollu li se jkollu bżonn.

 Kif tista’ ċċaħħad tifel jew tifla mill-imħabba li jistgħu jagħtuha l-ġenituri? Kif tista’ tastjeni u tħalli li tfal bħal Ben ma jmorrux għand min jista’ jtihom l-imħabba sempliċiment għax imtaqlin bil-mażra tal-preġudizzju?

J’Alla aktar tfal bħal Ben, isibu lil min iħobbhom u jirrispetahom, irrispettivament jekk jgħajjatx żewġ min-nies Pa, jew Ma jew inkella Ma u Pa lil tnejn oħra.

It-tfal huma għożża u mħabba.

Nammetti mill-ewwel li mhux minn dejjem kont konvint mija fil-mija dwar adozzjonijiet minn koppji gay. Ġieli kont ngħid bejni u bejn ruħi imma sitwazzjoni bħal din kif ser taffettwa t-tfal li għandhom jinżammu dejjem fiċ-ċentru ta’ kollox, x’effett se jħossu b’mod indirett min-nies li se jaħbtu magħhom?, kif se jħarsu lejhom?, Se jkunu preġudikati sempliċiment għax il-ġenituri tagħhom huma gay?.

Mhux ħa noqgħod insemmi statistika f’dan il-każ, jidhirli li mill-istatistika joħroġ kif il-fatt li tifel jew tifla jkollha ġenituri gay ma tagħmel l-ebda differenza. Lanqas ħa noqgħod insemmi li persuna waħidha setgħet tadotta tifel jew tifla qabel ma daħlet il-liġi tal-Unjoni Ċivili hawn Malta. Dawk se nħallihom fil-ġenb u nsemmi biss kelma waħda li hija kollox: l-imħabba. Għax bejn wild u ġenituri x’jeżisti bejniethom jekk mhux l-imħabba? Mhux dak huwa l-pont li jgħaqqadhom?. L-imħabba ma tafx sessi, u llum b’konvinzjoni ngħid li l-għożża u l-imħabba li jistgħu jagħtu koppji gay lit-tfal tagħhom jistgħu jtuha daqs kemm jagħtuha koppja eterosesswali. Il-bniedem huwa maħluq biex iħobb, irrispettivament hu min hu u ġej minn fejn ġej.

Il-familja tibqa’ l-ewwel sors ta’ edukazzjoni għal kull wild u għalhekk hu importanti li insibu familji mimlijin imħabba għal kemm jista’ jkun tfal f’pajjiżna.

Kemm kien għaqli l-pass politiku kuraġġjuż li ttieħed, minkejja li seta’ jfisser inqas popolarità, għax l-imħabba ma titkejjilix f’termini ta’ voti. Grazzi għal dan il-kuraġġ, illum Ben ser jitrabba f’familja mimlija mħabba, li min-naħa l-oħra qed tagħti eżempju lill-pajjiż kollu.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend