Dejjem sejjer lura | One News

Notifiki

Dejjem sejjer lura

Faċli tparla. Faċli taqbad u titkellem, iżda li jgħodd mhux kemm tgħid, iżda x’tgħid, anzi oltre’ minn hekk, mhux il-kwalità, iżda l-azzjoni.

Jien naf b’wieħed li jgħid ħafna, iżda ma jagħmel xejn milli jkun qal, jew jagħmel bil-kontra propja.

Ovvjament ma tridx tkun għaref ħafna biex tinduna għal min qed ngħid. In-nies drawh li joqgħod isemmi l-istandards, rigi u proposti meta jkun hemm xi okkazjoni li jaħseb li minnha jista’ jieħu xi vantaġġ politiku. Iżda ma jqisx li meta jkollu okkazzjoni hu, li minnha jista’ jitlef mhux jiggwadanja (diġa’ kellu ħafna), il-minimu li jrid jagħmel huwa li jimxi ma’ dak li jkun qal fuq ħaddieħor.

F’mument li jkun qed jaħaseb li jista’ jmur minn fuq, li xi ħadd ikun jista’ jieħdu naqra aktar  bis-serjetà, qed jispiċċa jmur lura aktar mill-aħħar darba li kellu okkazjoni oħra fejn fiha seta’ mexxa fuq li jparla u m’għamilhiex.

Bil-wiċċ kollu, din il-ġimgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni semma d-diċenza. X’diċenza hi li tibgħat il-ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xogħol f’każin politiku u agħar minn hekk li ġġiegħel lill-ħaddiema jigdbu biex jgħattu xturek?

Le, Toni Bezzina jista’.

X’diċenza hi, li jkun hemm Jason Azzopardi, ta’ Raħal Ġdid, li ma jiddejaqx jitkellem fuq riforma tal-lands, meta f’Raħal Ġdid stess, fost il-ħafna ħniżrijiet li wettaq, ċaħħad lin-nies minn Ċentru tas-Saħħa akbar biex ħalla l-każin tal-PN hemm. Dan jista’.

Forsi diċenza imma, li Chris Said jaqbad u jagħti l-fondi mingħajr m’hemm baġit allokat lill-Kunsill Lokali. Ma jistax jonqos li per diċenza jagħti biċċa mill-kejk lill-Kunsill Lokali li jmexxi ħuh fin-Nadur. Dan ma tistax tmissu imma għax iffukat fuq Għawdex, iktar u iktar meta min kien hemm qablu kienet aktar iffukata fuq ir-ramel u x-xaħx fil-kantini, fil-widien u l-grawnds tal-futbol.

Jista’ jkun imma, li l-apiċe tad-diċenza u l-accountability jilħqu sew Tonio Fenech. Dan OK. Għax Fenech evolva. Miż-żejt għall-arloġġi, mill-arloġġi għall-karozzi. Mill-karozzi għal pensjonijiet. Anthony of all trades.

Dawn OK imma. Ħalluhom. Għalhekk jaqbilek li qabel titkellem tqis kollox. Ma jfissirx li dan il-Gvern perfett, jew li ħadd ma jista’ jikkritikah. Altru’ minn hekk. Iżda minn min lanqas jemmen lil kliemu stess ma tistax tieħdu bis-serjetà u trid tħallih jgħid waħdu. Il-poplu hekk qed jagħmel, għax diment li ma tkunx għaddej b’xi xogħol qabel l-elezzjoni Ġenerali li tkun ser tintilef, Simon mhux ħa jitkellem fuq xturu.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend