Imħabbar proġett kbir għal Marsaxlokk | One News

Notifiki

Imħabbar proġett kbir għal Marsaxlokk

  • Investiment ta’ €6,000,000 fir-raħal tas-sajjieda

Tħabbru d-dettalji ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni li mistenni jibdew ir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk. Raħal li huwa marbut mas-sajd fil-Gżejjer Maltin u li jattira ħafna turisti lejh, mhux l-inqas turisti lokali.

Marsaxlokk, magħruf għad-diversi ristoranti li f’dawn iż-żminijiet tas-sajf jimtlew bil-familji, se jkun qed jieħu dehra isbaħ milli għandu. Biex hekk il-Gvern se jkun qiegħed jibdel post ieħor fin-nofsinhar ta’ Malta f’wieħed minn għadd kbir ta’ proġetti maħsuba li jiġġeneraw din iż-żona tal-pajjiż. 

Waqt sessjoni ta’ Gvern Li Jisma’ fejn ingħataw l-ewwel dettalji ta’ dan il-proġett il-Ministru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, tkellem dwar kif dan huwa villaġġ li jiġbor dak kollu li huwa Malti, mil-luzzu li wieħed jara mal-bajja, sal-monti popolari ta’ nhar ta’ Ħadd.

gvern

Dan il-proġett se jsir grazzi għal investiment ta’ sitt miljun ewro li se jirriżulta biex fost affarijiet oħrajn, ix-xatt jinbidel f’żona parzjalment pedonali. Dan huwa xogħol li se jkun estiż minn dak li hemm preżenti bħalissa fir-raħal, kemm fl-inħawi tal-Magħluq u kemm dawk tat-Torri ta’ San Luċjan.

Ix-xatt se jkun l-ewwel fażi minn sitta ta’ dan l-investiment.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Gvern se jkun qed jikkonsulta biex il-proġett li se jkun pass ieħor fir-riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk isir ukoll skont ix-xewqa ta’ ftit iktar minn 4,000 resident.

“Dan huwa proġett li se jkun qed jikkumplimenta t-tnaqqis tal-emissjonijiet u t-tniġġis fl-arja permezz tat-twaqqigħ taċ-ċumnija l-kbira ta’ Dellimara,” qal il-Ministru Konrad Mizzi li fakkar kif Marsaxlokk se jgawdi wkoll mill-qalba għall-gass u t-tneħħija għall-kollox tal-Heavy Fuel, l-iktar żejt li jniġġeż.

“Dan huwa biss parti mill-viżjoni ta’ Gvern Laburista li jipprijoritizza lin-Nofsinhar ta’ Gżiritna,” kompla jisħaq Mizzi.

DIVERSI FAŻIJIET

Intant, l-ewwel fażi tal-proġett se tara ukoll bini ta’ toroq ġodda biex ikun hemm aċċess għal lokal aħjar, u biex jitnaqqas it-traffiku fil-qalba, li hija l-iktar parti bieżla tar-raħal.

B’hekk ix-xatt innifsu se jkun magħluq għat-traffiku biex wieħed igawdih bil-pass.

It-tieni fażi tal-proġett se tinkludi l-bini ta’ parkeġġ viċin tal-grawnd tal-futbol biex dawk li jżuru l-villaġġ, kif ħafna jagħmlu għall-pranzu ta’ nhar ta’ Ħadd, ma jsibux diffikultajiet ta’ parkeġġ jew joħolqu xkiel fil-pjazza.

It-tisbiħ tax-xatt kollu se jkun it-tielet fażi tal-proġett u se tkun segwita minn tisbiħ fiż-żona tal-Magħluq, kif ukol fażi oħra li se tiffoka fuq tqassim aħjar ta’ parkeġġ fl-istess żona.

Fl-aħħar, se jkun irrestawrat it-Torri Verdome bħala waħda minn diversi miżuri biex il-wirt storiku tar-raħal ikun apprezzat iktar. Fost dawn se tinħoloq heritage trail fl-inħawi wara konsultazzjoni xierqa.

Il-proġett se jżomm f’moħħu u jirrispetta l-aspetti uniċi tal-villaġġ filwaqt li jagħmlu aċċessibbli u prattiku kemm għat-turisi, għas-sajjieda, u anke għal aspetti kummerċjali li Marsaxlokk tant hu magħruf għalih.

marasaxlokk-4

marsaxlokk3

marsaxlokk5

marsaxlokk8

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend