Il-football jista' jnessik tiftakar | One News

Notifiki

Il-football jista’ jnessik tiftakar

L-aqwa tal-football Ewropew wasal. Dil-ġimgħa nilħqu l-quċċata tal-aktar tim b’saħħtu u konsistenti fil-bravuri tiegħu. B’xorti ħażina Malta qatt għadha ma resqet lejn xi tip ta’ fażi finali, fejn il-logħbiet jixxandru mal-erbat irjieħ tad-dinja. Nieħdu sodisfazzjon narawna rappreżentati. Iżda filwaqt li individwalment naslu niksbu anki d-deheb (bis-saħħa tal-bravu Chetcuti) meta niġu għal sforz ta’ tim, inbatu. X’inhi r-raġuni? Nuqqas ta’ dixxiplina, konsistenza, flus, viżjoni ċara, nies verament kapaċi li jwassluna għal dik il-kwalità internazzjonali? Wara li l-Iżlanda waslet tilgħab kontra Franza fil-kwarti tal-finali, wara li żammet qawwiet oħra bħall-Portugall u tajjret ‘il barra lill-Ingilterra, bħal donnu ma fadalx skużi. Fil-Eurovision għamilna qabża fil-kwalità iżda dak ukoll talent ta’ individwu.

Leħħa ta’ berqa fil-football Malti

Fl-aħħar snin fil-football Malti dehru sforzi qieshom leħħa ta’ berqa; iżda bħall-berqa għebu malajr. Il-plejers tal-Iżlanda għandhom impiegi oħra, saħansitra l-kowċ hu dentist. B’100,000 ruħ anqas minna u bi storja mhux twila daqs tagħna – niftaħru li l-football daħal fostna fis-seklu 19 – waslu. L-Albanija akbar minna iżda ma kellhiex xi storja feliċi fil-football internazzjonali. Waslet ukoll. Tgħidlix li daqt naraw lil Ġibiltà b’popolazzjoni ta’ 30,000 tgħaddina!

Empowerment fir-Renju Unit

Il-Brexit tar-Renju Unit ġab miegħu ferħ u delużjoni. Iżda ġab ukoll qawmien nazzjonalistiku li fih bosta ċittadini bdew iħarsu lejn dak li jidentifikahom: il-bandiera, il-kwalitajiet tajbin tagħhom, ġrajjiethom. Saħansitra qanqal sentimenti ta’ indipendenza għall-Iskozja, l-Irlanda u Wales. Jista’ jżarma r-Renju Unit iżda wkoll jista’ jasal jagħti saħħa (empowerment) lill-poplu, li r-renju Brittaniku innifsu seta’ kien daħħalhom f’apatija storika. Kollox jgħin. Inħarsu lejn il-football Brittaniku. Did-darba rajna lill-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża (jalla jingħaqdu) kif ukoll lil Wales jimpikaw mal-pajjiż li żammhom taħt ġwinħajh. Għalkemm differenti mill-kolonjaliżmu li esperjenzajna aħna, ir-Renju Unit ma kellux xi storja ta’ ħbiberija kbira mal-ġirien tiegħu. Spiss ġera d-demm biex il-monarkija Ingliża ġiet minn fuq.

Apatija flok sens ta’ kburija

Kemm jidher internazzjonalment pajjiżek jiswa biex toħloq profil b’sens ta’ kburija. Imqar tara l-prim ministru mal-irjus il-kbar fi Brussel biex tħossok sodisfatt li għandna leħen, jafu bina u jisimgħuna, kif wara kollox għandu jkun. Malta għaddiet minn sekli fejn leħinna kien imrażżan biex ma ngħidx imkasbar. Biżżejjed niftakru – kif sewwa semma segwaċi ta’ dal-blog Matteotti – fil-poeżija ta’ Rużar Briffa biex tħoss demmek ibaqbaq b’versi patrijottiċi:

U l-kotra qamet f’daqqa u għajtet ‘Jien Maltija’

Miskin min ikasbarni, miskin min jidħak bija!

U l-kotra għanniet f’daqqa, u semmgħet mal-irjieħ

L-Innu ta’ Malta tagħna, u l-leħen kien rebbieħ!

Il-bravu poeta tal-lirika – tabib li ħadem bis-sħiħ għall-Maltin fi żmienijiet diffiċli – għaraf il-marda tal-‘Apatija, xħin ruħna kienet rieqda, ġo sodda barranija’. Kien il-football li nebbħu dal-vrus. Kien il-football li ġiegħel lill-poplu Malti jqum fl-istadium ikanta l-Innu Malti wara li f’isimna, minflok, indaqq il-God Save the King fis-snin 40. Dak mhux ħlief xrar patrijottiku. L-apatija hi marda qerrieda tas-soċjetà.

Anqas ma tara lil tiegħek javvanzaw, anqas ma tagħraf lilek innifsek, aktar tiċkien, tumilja ruħek u tindiehes mal-barrani biex b’ħekk taħseb li qed issir daqshom. Tinsa li dak li jtik is-saħħa psikoloġika hi l-memorja tiegħek. Dak li jagħmlek li int. Ilsienek, l-għelm ta’ kull mhu Malti u ġrajjietek. B’hekk ma nifhemx l-abbundanza żejda ta’ simboli kolonjali li jċekknu, ibarru simboli tal-memorji tagħna fil-Belt u l-madwar. Il-poplu stess iħossha imma jibża’ jbiddel, sakemm ma jkunx kostrett, kif seta’ ġara fir-Renju Unit b’maġġoranza ta’ miljun vot.

Il-vojt tal-memorja

Il-football hu sport popolari. Il-football divertenti. Joħloq pika, passjoni u jqajjem sentimenti kbar. La ma ssibx svog biex tespremi appoġġ lil tiegħek ikollok issib dak li jimlilek dal-vojt. Mhemmx x’tagħmel! Ikollok issib pajjiż ieħor, forsi wkoll meħud mill-memorja. Ninnutaw li l-qasma politika tal-Kwistjoni tal-Lingwa, meta mal-qlib tas-seklu 20 kien hemm min ried jippreżerva l-kultura Taljanizzata tagħna u min ried idaħħal dik Inglizzata, intirtet f’ħafna li għadhom iżommu mat-Taljani u oħrajn mal-Ingliżi. Xi wħud ma wirtux dan is-sentiment u bdew iħarsu lil hinn….xi drabi mqar l-għadu perċepit li ħaqar lil dawk li ħakmuna, pereżempju l-Franċiżi jew lill-Ġermaniżi. Hekk, biex ma jħossux dominat, l-anqas f’dak li suppost jiftakar. Dinja psikoloġika l-memorja.

Niftehmu mhemm xejn ħażin li jkollok tim favorit barrani, la tiegħek ma jasalx. Ħażin jekk tiffissa li hu parti minnek. Jekk ittellagħlu l-bandiera fuq il-bejt (innutajt li dan il-fenomenu stramb naqas qatigħ; għall-erwieħ!), tirreferi għalih bħala ‘aħna’, ‘tiegħi, ‘tagħna’! Ħażin jekk tnissel f’qalbek xi forma ta’ qima, adorazzjoni fiergħa lejn dak li jġib miegħu dak it-tim. Jien ili nsegwi lill-Bayern u l-Ġermaniżi mill-1966. Iżda nsegwi wkoll lil Franza u lil PSG ; liċ-Chelsea u lir-Roma. Immur tajjeb meta jilagħbu kontra xulxin – nieħu gost dejjem. Mhux kulħadd iħoss li għandu jagħmel hekk imma tgħin biex ma trawwimx ossessjoni b’xi nazzjonalità li mhux tiegħek. M’għandekx għalfejn tħossok qed ‘titradixxi’ lil xi tim jew nazzjon favorit għax tifraħ b’oħrajn. Tista’ biss titradixxi lil pajjiżek, mhux art il-barrani.

Borg Pisani traditur ta’ min?

Għalhekk id-dilemma ta’ Borg Pisani fil-gwerra li għaddiet meta l-Ingliżi dendluh bħala traditur. Li żamm mat-Taljani żgur kien traditur tal-Ingliżi f’pajjiżna, iżda f’qalbu qatt ma kien traditur tal-pajjiż nattiv tiegħu li kien jemmen, bħal eluf oħra siekta, bit-Taljanità tagħna għal sekli twal minn mindu ġejna hawn minn Sqallija elf sena ilu. Issir b’saħħtek meta tanalizza ħsusek u kif dawn isawwru fik identità. Meta ma tridx tisma’, meta tgħid li dak li għadda għadda u ma għandek tmiss xejn mill-istorja, mill-monumenti żejda li jittimbrawlek moħħok u jaħslulek il-menti, tkun qed tagħżel li tinsa tiftakar.

Hemm wisq iżjed xi ngħidu fuq dan l-argument imma l-finali tal-Ewro 16 magħna u għandna ngawduhom. Jalla ngħollu iżjed is-simboli tagħna : il-bandiera (mingħajr midalja kolonjali), is-Salib ta’ Malta li spiċċajna għamilnih tagħna meta addotajnih (differenti milli xi sultan barrani iddeċieda li jpoġġihulna fuq il-passaport nazzjonali), l-għelmi tagħna, il-patrijotti tagħna. U jalla ngawdu final tal-football Ewropew sabiħ, jirbaħ min jirbaħ!

Ir-ritratt tal-ġimgħa juri simboli Maltin (il-bandiera fuq xini u s-Salib ta’ Malta) fil-Port il-Kbir fil-festa Maltija nhar is-Sette Giugno li għadda, imtella’ mill-Fondazzjoni Valletta 2016.

Dan ir-ritratt juri gallerija Maltija tappoġġja lit-tim Taljan; fdal tal-memorja tal-Kwistjoni tal-Lingwa?

gallarija

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend