Imnalla mhux referee | One News

Notifiki

Imnalla mhux referee

Ħafna, inkluż fil-Partit Nazzjonalista, jgħidu li Simon Busuttil mhux dejnu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Però fiċ-ċirkostanzi ngħid li mnalla mhux ‘referee’.

Fl-aħħar xhur rajna lil Simon Busuttil ikun akkużat b’double standards u l-fatti li seħħew fl-aħħar sigħat juru kif tassew japplika regoli differenti għal nies differenti.

Se nuża biss tliet eżempji, bil-persuni li se nsemmi daqs li kieku qegħdin f’logħba futbol kontra xulxin.

Ix-xufier vs Toni Bezzina  

Lix-xufier tiegħu Simon Busuttil issospendih b’rabta ma’ investigazzjoni fuq fuel. Issospendih anke jekk l-ispeaker qallu li ma kienx hemm għalfejn għax xejn ma kien jipponta lejn ix-xufier. Skont Simon Busuttil dan kellu jkun prova ta’ kif wieħed jimxi b’serjetà fil-politika u għalhekk is-sospensjoni kienet immedjata.

Iżda lil Toni Bezzina, li kontra tiegħu diġa’ għandu sentenza tal-qorti fuq każi serji ħafna, ma jridx jissospendih sakemm jinqata’ l-appell.

Maż-żgħir kien kattiv, ried jagħmel show bih. Urih il-karta l-ħamra. Iżda, lill-kbir lanqas safra m’urih.

Samuel Azzopardi vs Toni Bezzina

F’dan il-każ ukoll rajna kejl differenti. Għalkemm ħadd ma qala’ l-karta l-ħamra, il-kejl kien differenti. Dan bil-għan li l-plejers tat-tim tiegħu jibqgħu jilagħbu t-tnejn. Anke jekk għamlu foul serju daqs daħla minn wara.

Lil Samuel Azzopardi reġa’ ħatru Sindku mingħajr ma stenna jekk ux se jkun hemm appell u lil Bezzina m’għamel xejn bih għax qal li jrid jistenna l-appell. Mela f’każ l-appell hu skuża biex ma jaġixxix u f’każ ieħor le.

Owen Bonnici vs Samuel Azzopardi

Imbagħad il-każ klassiku huwa jekk inqabblu dak li kien qal fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici ma’ dan il-każ ta’ Samuel Azzopardi. Fil-każ ta’ Bonnici inċident sfortunat ried jibdlu f’riżenja u tgħidx kemm –il allegazzjoni għamel. Ried jurih il-karta l-ħamra.

Iżda fil-każ ta’ Azzopardi, li saq xurban u ma riedx joqgħod għat-test tan-nifs, ma kienet problema ta’ xejn. Mal-mument li nstab ħati reġa’ daħlu jilgħab. Għalkemm kif żvelajna dalgħodu fi Brussell ħallih jilgħab dejjem.

Meta tħares lejn dawn il-każi wieħed jawgura li Busuttil jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Għaliex alla ħares kien referee. Għax bir-regoli differenti li japplika, il-logħba tal-futbol ma jifimha ħadd u l-karta ħamra joħroġha kontra tim wieħed biss; f’dan il-każ dak ta’ Kastilja.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend