DIŻASTRI NATURALI: €80,000 għal forzi Maltin biex jitħarrġu | One News

Notifiki

DIŻASTRI NATURALI: €80,000 għal forzi Maltin biex jitħarrġu

  • Taħriġ f’diżastri naturali bejn il-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta, l-Italja, il-Greċja, Ċipru u l-Awstrija
  • Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jibbenefika minn €80,000 f’dan it-taħriġ f’għajnuna umanitarja

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta, l-Italja, il-Greċja, Ċipru u l-Awstrija ngħaqdu flimkien biex isegwu programm ta’ taħriġ u qsim tal-aħjar prattiċi, fuq medda ta’ 24 xhar, għal każijiet fl-eventwalità ta’ diżastri naturali li jirrikjedu għajnuna umanitarja.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela żar eżerċizzju ta’ simulazzjoni mtella’ f’Għajn Tuffieħa dwar preparazzjoni għal akkomodazzjoni f’xelters ta’ emerġenza għal nies milquta f’sitwazzjonijiet simili. Dan wara li fl-aħħar jiem, f’Malta ngħata bidu għall-ewwel programm minn sensiela ta’ taħriġ ippjanat f’dawn il-ħames pajjiżi, li se jindirizzaw b’mod partikolari diżastri fejn jidħlu terrimoti u konsegwentament l-evakwazzjoni.

Il-Ministru Abela tkellem kif bl-isem ta’ PACES – preparazzjoni adegwata għal akkomodazzjoni f’xelters tal-emerġenza, il-ProtezzjoniĊivili Maltija bbenefikat minn €80,000  li minnhom €60,000 ġew finanzjati mill-Unjoni Ewropea u €20,000 mill-fondi lokali.

Il-programm sħiħ fuq perjodu ta’ sentejn, jammonta għal valur ta’€758,379 fejn il-kontribuzzjoni Ewropea tammonta għal €568,784 mill-Fond tal-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għall-Intern irrimarka li dan l-eżerċizzju huwa prova tal-proattività tal-Protezzjoni Ċivili fejn jidħol ippjanar għal każijiet ta’ emerġenza.  Spjega, kif wara l-eżerċizzju tas-SIMIT li sar is-sena l-oħra f’Għawdex, sena wara qed nerġgħu naraw inizjattiva  oħra li qed tgħaqqad is-servizzi tal-emerġenza u l-voluntiera Maltin ma’ dawk minn erba’ pajjiżi oħra Ewropej.

Huwa nnota li f’dan il-programm hawn 81 parteċipant li attendew għat-taħriġ imtella’ Malta.  Fosthom 59 barrani li lkoll ġejjin mill-pajjiżi parteċipanti  f’dan il-proġett u 22 Malti. Il-membri Maltin jinkludu rappreżentanti mill-Protezzjoni Ċivili u l-voluntiera tagħhom,Pulizija, Armata, Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei u għaqdietmhux governattivi inkluż ir-Red Cross Malta, ERRC, St John Rescue, EFRU u l-iScouts. Fiż-żmien li ġej, il-parteċipanti ser ikunu qed ikomplu javvanzaw it-taħriġ tagħhom fl-erba’ pajjiżi l-oħra.

Ritratt: Kevin Abela, DOI

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend