"In-nofsinhar tal-Ewropa injorat fil-Pjan Juncker" | One News

Notifiki

“In-nofsinhar tal-Ewropa injorat fil-Pjan Juncker”

Il-Pjan ta’ Juncker qed iżid id-diverġenzi strutturali diġà eżistenti bejn l-ekonomiji tal-pajjiżi tan-nofsinahr u dawk tal-Ewropa Ċentrali. Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista Alfred Sant waqt li l-Parlament Ewropew iddiskuta l-Pjan Juncker sena wara t-tnedija tal-‘Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku’, magħruf bħala l-Pjan ta’ Investiment ta’ Juncker.

Dr Sant qal li l-konċentrazzjoni tal-proġetti ttieħdu mill-ekonomiji l-kbar tas-suq wieħed, bil-pajjiżi tan-nofsinhar, reġjuni fil-periferija u pajjiżi b’ekonomiji żgħar prattikament ma jidhru mkien f’dawn il-proġetti. “Wieħed jista’ jistqarr li l-‘Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku’ qed jipprovdi eżempju ta’ kif, taħt l-inizjattiva tal-UE, ir-riżorsi qed ikunu trasferiti mill-periferija għaċ-ċentru tal-Ewropa. Dan qed jenfasizza aktar id-diverġenzi strutturali li diġà jeżistu fl-Ewropa,” qal l-Ewroparlamentari Malti.

Membri Parlamentari Ewropej esprimew opinjonijiet varji dwar it-tmexxija tat-€315-il biljun tal-Pjan Juncker  waqt dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Jyrki Katainen.

“Jien wieħed fost dawk diżappuntati bir-riżultati ta’ din l-ewwel sena tal-Pjan ta’ Investiment. Il-ferħ ewforiku tal-Kummissjoni Ewropea għar-riżultat ma jaqbilx mar-realta`. Ma nistgħaġibx li l-affarijiet ġraw b’dan il-mod. Il-pedamenti finanzjarji ta’ dan il-pjan, magħmul mill-fondi ‘tagħna’, huma relattivament insinjifikanti. Dawn il-fondi ġibdu lejhom garanziji li jaqbżu s-somma ta’ €300 biljun flimkien mal-kapital privat. Qed issir ħidma militanti biex ma jintgħażlux proġetti li fis-suq huma kkunsidrati riskjużi jew li jrendu ftit.

Il-pedament istituzzjonali tal-Pjan ta’ Investiment huwa marbut mal-qafas tal-Bank Ewropew ta’ Investiment, li jġegħluh jimxi mal-mudell operazzjonali tal-istess Bank. Il-punt hu li ċertu proġetti infrastrutturali li mhumiex riskjużi u li tnidew mill-Fond Ewropew ta’ Investiment, kienu jsiru xorta taħt il-kappa tal-Bank Ewropew ta’ investiment. Bl-istess mod, il-proġetti kkonċentraw f’oqsma strutturali li huma mingħajr riskju. Għalihom, setgħu jinstabu faċilment fondi li mhumiex mill-Pjan ta’ Investiment.” qal Dr Sant.

Ħafna mill-proġetti approvati ttieħdu mill-pajjiżi l-kbar, l-aktar minn Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit. Malta sa issa għadha ma bbenefikat bl-ebda mod mill-Pjan Juncker.

“Il-parti l-kbira tal-proġetti marru fl-ekonomiji l-kbar tal-Unjoni Ewropea,” temm jgħid Alfed Sant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend